PR231401

19/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: Bosta laqgħat fil-marġini tat-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda

Hekk kif għadu kemm ingħata bidu għat-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg jinsab fi New York fl-Istati Uniti għaddej b’numru ta’ laqgħat kemm fuq bażi bilaterali u anke multilaterali bil-għan li jkomplu jgħollu isem pajjiżna fuq bosta aspetti.

Matul il-jum tat-Tnejn, il-Ministru Borg kellu l-opportunità li jindirizza laqgħa ministerjali dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u kif dan jista’ jerġa’ jkun rinvigorat. Hawnhekk il-Ministru Borg reġa’ fakkar li Malta konsistentament appoġġat dik li hija magħrufa bħala ‘Is-soluzzjoni taż-żewġ stati’ u se tibqa’ tagħmel dan fiż-żmien li ġej. Huwa kompla jgħid li biex il-proċess ta’ paċi jkun suċċess irid ikun hemm ir-rieda mill-partijiet kollha involuti biex isiru kompromessi li permezz tagħhom jinkiseb futur komuni. Il-Ministru Borg stqarr li huwa sodisfatt ferm kif matul il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda fi Frar li għadda, għall-ewwel darba sa mill-2016 kienet adottata l-ewwel dikjarazzjoni maqbula bejn il-Kunsill kollu.

Il-Ministru Ian Borg attenda wkoll għal-laqgħa tal-ministri għall-affarijiet Ewropej fejn għal darb’oħra Malta sostniet li huwa kruċjali li anke fuq bażi ta’ Nazzjonijiet M​agħquda l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jsaħħu l-koordinazzjoni ta’ bejniethom. “Huwa biss permezz ta’ vuċi waħda li jista’ jkun hemm aktar koordinament mal-imsieħba internazzjonali. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin irrappreżenta wkoll lill-Gvern Malti fil-laqgħa ministerjali organizzata li saħqet dwar l-isfidi globali li din il-problema ġġib magħha. B'hekk temmen li jrid ikun hemm soluzzjonijiet globali b’kooperazzjoni internazzjonali. Ingħad kif id-drogi sintetiċi illum huma l-kawża prinċipali ta’ kriminalità transnazzjonali u huwa biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet li din il-pjaga tista’ tkun miġġielda b’mod effettiv.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Borg kien parti wkoll mis-Summit tal-Mexxejja dwar il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli. Matul din il-laqgħa importanti, huwa emfasizza kif aktar minn qatt qabel hemm l-importanza li tkun implimentata l-Aġenda 2030. Huwa essenzjali li l-istati kollha jkunu preparati u reżiljenti għal sorpriżi mhux mistennija li jistgħu jseħħu fid-dawl tal-kriżijiet u aħbarijiet devastanti li qed naraw.