PR231473

27/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Aktar protezzjoni lill-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati u lill-familji tagħhom

Estiża l-pensjoni tas-servizz lir-romol tal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati

 

Ġie introdott il-kunċett ta' pensjoni tas-servizz sa massimu ta' ħames snin lir-romol ta' uffiċjali fil-forzi dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa jew qabel jagħlqu l-25 sena servizz jew fil-perjodu bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-irtirar. Din il-miżura tikkumplimenta diversi miżuri oħra li ttieħdu fl-aħħar xhur u snin li jsaħħu d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati, filwaqt li joffru wkoll aktar protezzjoni lill-membri tal-familja tagħhom. Għaldaqstant, permezz ta' din il-miżura, ġiet implimentata miżura oħra tal-manifest elettorali.

 

F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, ġie spjegat li preżentament ir-romol tal-uffiċjali li jkunu ġew nieqsa jew qabel jagħlqu l-25 sena servizz jew fil-perjodu bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-irtirar, ma jibbenefikaw minn l-ebda protezzjoni finanzjarja għas-servizz li jkunu wettqu, għajr inċentivi finanzjarji għal dawk li jkunu ġew nieqsa b'konsegwenza tal-funzjoni tal-qadi ta' dmirijiethom.

 

Ġie spjegat li nħass il-bżonn għal din il-miżura għaliex sal-lum, il-familja tal-persuna li tat servizz u tkun ġiet nieqsa tqis li jkun intilef is-servizz, anke jekk tkun iffaċċjat ir-realtajiet li jġib miegħu x-xogħol f'korp dixxiplinat, flimkien mal-ħaddiem. 

 

Għaldaqstant, qed tingħata pensjoni tas-servizz lill-armla jew lill-armel, skont is-snin ta' servizz li l-uffiċjal deċedut ikun serva (mill-anqas 10 snin) iżda skont il-proporzjon li fuqu tinħadem, sa massimu ta' ħames snin li ma jeċċedux l-età tal-irtirar statutorja li fiha kieku kien jirtira l-uffiċjal deċedut. Din il-pensjoni temporanja tas-servizz titħallas minbarra l-pensjoni tar-romol tas-sigurtà soċjali, dejjem skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u kwalunkwe aġġustament li jista' jkun hemm il-bżonn li jsir. Intant, din il-miżura se tidħol fis-seħħ b'lura mill-1 ta' Jannar 2022.

 

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li din il-miżura tikkumplimenta inizjattivi oħrajn li dan il-gvern għamel għall-korpi dixxiplinati, fosthom tisħiħ tal-pensjoni kif imħabbar ftit tal-jiem ilu, l-Occupational Personal Benefit Accident Scheme u n-numru ta' ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati fl-aħħar snin għall-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati.

 

“Meta ħaddiem jiddedika ħajtu għas-servizz, ma jkunx hu biss li jagħmel diversi sagrifiċċji sabiex jaqdi l-irwol tiegħu jew tagħha, iżda wkoll dawk l-aktar viċin tiegħu jew tagħha. Nifhmu kemm xi drabi s-servizz mitlub minn dawn il-ħaddiema jista' jkun ta' periklu, ta' stress u ta' sfida. Għaldaqstant, permezz ta' miżura soċjali b'saħħitha, qed nestendu l-pensjoni tas-servizz lir-romol għaliex jeħtieġ li nestendu l-protezzjoni mhux biss lill-ħaddiema, iżda wkoll lill-membri tal-familja tagħhom," qal il-Ministru Camilleri.

 

Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern kien, għadu, u se jibqa' r-ruħ soċjali ta' dan il-pajjiż, sabiex jgħin u jtejjeb il-ħajja tan-nies b'mod konsistenti. Spjega li għal darba oħra, ser ikun qed jingħata rikonoxximent xieraq lill-persuni li jaħdmu fis-servizz, fejn sena wara oħra, dawn il-persuni komplew jibbenefikaw minn benefiċċji mtejba u li jagħti aktar stabbilità fit-tul.

 

“Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. Sabiex noħolqu ġustizzja soċjali ma' dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li nagħtu aktar enerġija pożittiva. Dan il-gvern kommess li jkompli jbiddel dak li ħaddieħor m'għamilx għal snin sħaħ. L-isfidi jimlewna b'aktar kuraġġ sabiex inwettqu dejjem aktar u nħallu timbru pożittiv fil-ħajja tan-nies", qal il-Ministru Michael Falzon.

 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll l-uffiċjali tal-unjins li jirrappreżentaw lill-korpi dixxiplinati kollha.​

​​