PR231474

27/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL Il-Ministru Caruana jniedi d-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget għas-sena 2024

Malta għandha bażi ekonomika soda biex tkompli tiffaċċja l-isfidi", qal il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt it-tnedija tad-dokument ta' qabel il-Budget għas-sena 2024. Din l-attività fetħet ukoll il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika bi preparazzjoni għall-istess Budget li, kif tħabbar mill-Prim Ministru, se jiġi ppreżentat fil-Parlament nhar it-Tnejn 30 ta' Ottubru 2023.

 

“F'kuntest ta' diversi sfidi internazzjonali, pajjiżna għandu bażi ekonomika soda biex jaffaċċjahom u permezz tal-Budget li ġej, wieħed se jkun jista' jifhem kif pajjiżna se jirnexxilu jibqa' reżiljenti quddiem sfidi internazzjonali li jaffettwaw l-andament ekonomiku f'Malta," spjega l-Ministru Caruana.

 

Fost l-oħrajn dawn l-isfidi jinkludu; l-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija, il-politika Ewropea - li filwaqt li qed tippjana li tinkorpora pajjiżi ġodda fi ħdanha, qed tagħmel ukoll progress fil-proċessi lejn Ewropa iktar sostenibbli, it-tibdil fil-klima, u politika fiskali iktar rigoruża li mistennija tiġi adattata sal-aħħar ta' din is-sena.

 

Huwa saħaq li l-irwol tal-gvern huwa li jqassam il-ġid li jinħoloq permezz ta' stabbiltà ekonomika u fiskali. Il-Ministru Caruana nnota li Malta hija t-tielet l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropeja li għandha nies fil-post tax-xogħol. “Grazzi għan-numru ta' miżuri li daħħalna u l-qafas leġiżlattiv li minnu nnifsu jikkontribwixxi għar-riżultati sbieħ fil-qasam tax-xogħol, illum pajjiżna għandu bażi soda għall-ekonomija tagħna u l-ħolqien tal-ġid", spjega l-Ministru Caruana.

 

F'kuntest fejn l-ammont ta' dħul li l-gvern kien bassar ġie milħuq filwaqt li l-ispiża tal-gvern qed tiġi kkontrollata, il-Ministru Caruana rrimarka li, “l-għajnuna fuq l-iskema tal-Wage Supplement fi żmien il-pandemija laħqet it-€800 miljun, filwaqt li bħalissa ninsabu fit-tieni sena ta' sussidji fil-qasam tal-enerġija." L-impatt tas-sussidji tal-prezzijiet tal-enerġija, fjuwil, gas, u qmuħ huwa sostanzjali fuq in-nefqa tal-gvern, liema sussidji ser ilaħħqu t-€350 miljun fl-2024.

 

“Dan il-baġit se jkun qed jindirizza wkoll prijoritajiet f'diversi oqsma bħal riżorsi ta' enerġija rinnovabbli u sostenibbli, għaliex bħala gvern irridu nibqgħu nassistu lill-industrija tagħna b' diversi modi u mhux biss bis-sussidji", sostna l-Ministru Caruana.

 

Huwa spjega li dan il-gvern se jkompli jmexxi l-finanzi ta' pajjiżna b'għaqal. “Se nkomplu nnaqqsu d-defiċit b' mod gradwali, f'konformità mal-qafas Ewropew, però b'mod li l-industrija tagħna tkun tiflaħ għalih. Li kieku ma kellniex dan l-għaqal, ma konniex inkunu nistgħu nsostnu ruħna f'dawn l-aħħar snin ta' sfidi. Ser inkunu għaqlin, b'piż tad-dejn li ser ikompli jitbaxxa, u li jagħti biżżejjed spazju sabiex gvernijiet oħra fil-futur, ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi ta' quddiemhom b'mod iktar komdu."

 

Id-dokument ta' qabel il-Budget jinsab disponibbli fuq is-sit elettroniku finance.gov.mt.

 

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jissottometti s-suġġerimenti tiegħu għall-Budget li ġej permezz ta' email fuq [email protected].

​​