PR231475

27/09/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI: Madwar 2,000 familja jibbenifikaw mill-proġett ta’ riġenerazzjoni fi blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali

Fi tliet snin ġew irriġenerati 270 blokka b’investiment ta’ aktar minn €10 miljun

Fl-aħħar tliet snin, l-Awtorità tad-Djar irriġenerat 270 blokka u madwar 2,000 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar Malta. Dan il-programm ta’ riġenerazzjoni sar b’investiment bla preċedent ta’ aktar minn €10 miljun u li jfisser li eluf ta’ familji qegħdin jgħixu f’ambjent ferm isbaħ u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. 

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt żjara li għamel fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali magħrufa bħala L-Ispika, f’San Ġwann, fejn bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq faċċati u bjut f’numru ta’ blokok. Il-Ministru rrimarka kif din is-sena, l-Awtorità tad-Djar investiet madwar €3 miljun biex ikunu rriġenerati 74 blokka li jammontaw għal madwar 480 appartament. 

“Dawn ix-xogħlijiet juru l-impenn tal-g​vern lejn il-komunitajiet tagħna, fejn qed naraw li noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti li jgħixu f’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali u li għal għexieren ta’ snin tħallew mitluqin mingħajr ebda attenzjoni,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes. 

Preżenti għaż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u s-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech.