Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi żar il-Park Nazzjonali f'Ta' Qali, fiż-żona tal-Formal Garden, fejn qed jiġi fi tmiemu l-proċess ta' tħawwil ta' siġar, pjanti u arbuxelli għal din is-sena. F'dawn id-disa' xhur tħawlu madwar 3000 siġar u arbuxelli u 42,000 pjanti. Dan jikkumplimenta l-ħidma kollettiva tal-gvern fejn qed jitħawlu aktar siġar u arbuxelli madwar il-pajjiż, filwaqt li qed ikompli t-tisbiħ ta' spazji miftuħa.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li r-riġenerazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali tinsab fi stadju avvanzat u semma li aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat l-ispazju għall-Arti u t-Teatru fil-Park Nazzjonali biex jintuża għal produzzjonijiet kulturali u sar investiment fil-faċilitajiet tal-park biex dawn ikunu jistgħu jitgawdew mill-artisti u mill-pubbliku inġenerali.
Il-ministru faħħar il-ħidma li qed issir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li huma responsabbli mill-manutenzjoni u miż-żamma ta' dan il-park. Filwaqt li appella lill-familji Maltin u Għawdxin biex iżuru dan il-park, il-ministru qal li jħares 'il quddiem biex tkompli l-ħidma u jitlestew iż-żoni l-oħra li jifformaw parti minn dan il-proġett.
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali, Jason Micallef, qal li huwa sodisfatt bl-istandards tal-aqwa livell li bih qed jinżamm u jiġi indukrat dan il-park. Huwa kompla li qed isir investiment regolari f'dan il-park biex jibqa' jkun wieħed mill-isbaħ spazji miftuħa f'pajjiżna.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello, u l-ħaddiema li jaħdmu fil-Unit li qed imexxi l-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali.