Project Green tissottometti il-pjanijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar wara konsultazzjoni mar-residenti
It-trasformazzjoni taċ-ċentru ta’ San Ġwann, b’ġonna u żoni ta’ rikreazzjoni jieħdu post triq arterjali traffikuża, se tagħti ħajja ġdida lill-ħajja ta’ kuljum ta’ madwar 6,000 familja f’din il-lokalità.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul ħabbru d-dettalji ta’ dan il-proġett, hekk kif il-pjanijiet ta’ dan il-proġett ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-konsiderazzjoni tagħha. Fil-preżenza tas-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech, Project Green ippreżentat l-pjanijiet tal-proġett propost wara xhur ta’ impenn komunitarju, b’attivitajiet ta’ konsultazzjoni li jinvolvu tfal, residenti, anzjani, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, organizzazzjonijiet lokali u negozji fiż-żona, fost partijiet interessati oħra.
B’din it-trasformazzjoni estensiva, Project Green qed tipproponi li Vjal ir-Rihan, triq arterjali f’San Ġwann u parkeġġ tal-karozzi biswit din it-triq, tinbidel fi spazju miftuħ ta’ 7,200 metru kwadru għall-komunità. Dan il-proġett se jikkonsisti wkoll fi ġnien akwatiku, bandli, teatru miftuħ, żona komunitarja u żoni rikreattivi oħra, imdawrin b’aktar minn 350 siġra ġdida addizzjonali.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li permezz ta’ dan il-proġett il-gvern qed jinkoraġġixxi lill-familji ta’ San Ġwann biex iħaddnu din it-transizzjoni ambjentali. “Qed niddefinixxu mill-ġdid il-pajsaġġi urbani tagħna, noħolqu ambjent aktar ekoloġiku, aktar aċċessibbli u rikreattiv għall-ġenerazzjonijiet ta’ issa u għal dawk futuri. Irridu stili ta’ ħajja aħjar, aktar b’saħħithom u aktar sostenibbli għall-familji tagħna, li nintroduċu mill-ġdid in-natura fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna, b’infrastruttura ekoloġika ġdida li tinkoraġġixxi mobilità sostenibbli u komunitajiet aktar b’saħħithom”.
“Dan il-park ġdid, quddiem il-knisja parrokkjali, l-iskola u żoni oħra importanti tal-komunità, se jsir l-akbar spazju aħdar fiż-żona urbana ta’ San Ġwann,” żiedet tgħid Miriam Dalli.
Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà sostenibbli tal-lokalità, billi jtejjeb l-infrastruttura ta’ din it-triq arterjali traffikuża u jintroduċi żoni pedonali u korsiji ddedikati għar-roti. Il-parkeġġ il-ġdid taħt l-art se jirdoppja l-ammont ta’ parkeġġ attwali fil-livell tat-triq, biex tiġi żgurata aktar aċċessibbiltà.
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, qal li “dan l-ispazju miftuħ se jkun qed iservi bħala pulmun aħdar u huwa aċċessibbli f’inqas minn 10 minuti mixi għall-13,000 resident, li huwa 90% tan-nies li jgħixu f’San Ġwann. Qegħdin naħdmu biex nipprovdu spazju ta’ rikreazzjoni li jkun aċċessibbli, u neliminaw il-ħtieġa li tuża karozza biex nilħqu spazju miftuħ”. Huwa kompla li Project Green għandu l-għan li joħloq spazju aħdar li jsaħħaħ il-kwalità tal-ħajja ta’ din il-komunità u l-madwar, u li jagħti l-aqwa eżempju ta’ żvilupp urban sostenibbli, li se jkun segwit f’lokalitajiet oħra madwar il-pajjiż.
Għal aktar informazzjoni żur www.project.green.