gov.mt

pr231665

PR231665

24/10/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titkattar il-ħidma lejn Edukazzjoni Inklussiva ta’ Kwalità

​​​

L-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklussiva bħalissa għaddejja b'eżerċizzju ta' awditjar fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni dwar is-sistemi u prattiċi wżati bħala sostenn u gwida bil-għan li l-Ministeru jkompli jilħaq Edukazzjoni Inklussiva ta' Kwalità.

 

Dan tħabbar waqt sessjoni ta' djalogu li saret fil-Ministeru minn rappreżentanti tal-Agenzija flimkien ma' uffiċjali tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, li kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Matthew Vella. Dan l-eżerċizzju, 'Trasformazzjoni tal-Inklużjoni: Rotta għal Edukazzjoni ta' Kwalità', jibni fuq eżerċizzju ieħor li kien sar 10 snin ilu minn din l-aġenzija.

 

“Nemmen bis-sħiħ li l-ekwità u l-inklużjoni fil-prattika jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-individwi. Fil-fatt, dan huwa parti integrali mill-proċess ta' trasformazzjoni li għaddej fis-sistema edukattiva Maltija li jibni fuq il-konsultazzjoni, l-appoġġ u l-empowerment. Dan narawh ukoll fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030, li dalwaqt tkun imnedija għall-konsultazzjoni pubblika, għaliex l-ekwità u l-inklużjoni huma wkoll it-tielet pilastru tagħha", qal il-Ministru Grima.

 

Illum, is-sistema tal-edukazzjoni Maltija tadotta definizzjoni wiesgħa ta' inklużjoni li tinkludi fost l-oħrajn, studenti bi bżonnijiet speċjali, studenti b'orjentazzjoni sesswali differenti, studenti minn minoranzi etniċi u reliġjonijiet differenti.

 

Is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal “Il-working group dwar l-inklużjoni li waqqaf il-Ministeru aktar kmieni din is-sena u dan l-eżerċizzju, mill-ġdid se jitfa' dawl fuq is-sistema edukattiva tagħna. Se jħares lejn dak li diġà hemm fis-seħħ, filwaqt li se jkun identifikat fejn jistgħu jkomplu jissaħħu l-aħjar prattiċi lejn inklussività sħiħa."

 

L-inklussività fis-sistema edukattiva kien suġġett li ġie diskuss sew fil-laqgħat ta' konsultazzjoni li saru fl-eżerċizzju wiesgħa li sar biex titħejja l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030. Dan sar f'aktar minn 200 laqgħa ma' edukaturi, studenti, ġenituri, u wkoll ma' entitajiet pubbliċi u privati fost l-oħrajn.

 

“Filwaqt li t-tema ta' din is-sena skolastika huwa ddedikat għall-benesseri tal-istudenti, għaliex tassew nemmnu li l-persuna għandha tkun fiċ-ċentru ta' kollox, it-triq 'il quddiem hija li l-Ministeru jadotta approċċ li jkun iċċentrat fuq il-persuna biex l-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri jkunu verament fiċ-ċentru tas-sistema edukattiva", temm jgħid il-Ministru Grima.

 

Dan l-eżerċizzju beda fl-1 ta' Ottubru u se jibqa' sejjer sa' tmiem is-sena d-dieħla.​