Wara t-tkabbir ekonomiku bla preċedent li esperjenza pajjiżna tul l-aħħar snin, Malta se tkompli ssaħħaħ l-industrija tas-superyachts permezz tat-tnedija ta' dokument ta' viżjoni għal din l-industrija.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia li spjega li din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli tippromwovi lil Malta bħala l-ġurisdizzjoni preferuta għall-industrija tas-superyachts, trawwem tkabbir sostenibbli, u toħloq ekosistema b'saħħitha.
“Il-viżjoni ġenerali hija ċara: Inkomplu nagħmlu minn Malta ġurisdizzjoni ta' għażla għall-industrija tas-superyachts billi nrawwmu ekosistema sostenibbli appoġġjata minn infrastruttura affidabbli, servizzi ta' kwalità, u forza tax-xogħol speċjalizzata," spjega l-Ministru Farrugia.
Matul l-aħħar għaxar snin, Malta kienet fuq quddiem fl-UE f'termini ta' tkabbir ekonomiku, b'ċifri impressjonanti ta' impjiegi full-time u rata ta' qgħad dejjem tonqos. The Economist reċentement ikklassifika lil Malta fit-tieni post fl-UE f'diversi miżuri kritiċi, filwaqt li enfasizza l-ħila ekonomika u l-istabbiltà ta' pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia spjega li wieħed mis-setturi ewlenin li kkontribwixxew għal din l-istorja ta' suċċess hija l-industrija marittima, partikolarment is-settur tas-superyachts. Matul l-aħħar 16-il sena, in-numru ta' superyachts li jaqbżu l-24 metru rreġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili żdied minn ftit aktar minn 100 fl-2007 għal aktar minn 1,100 f'Awwissu 2023. Dan it-tkabbir mhux biss jistimula l-ekonomija iżda jiġġenera wkoll impjiegi ta' kwalità għolja u servizzi anċillari, li jmorru id f'id mal-viżjoni tal-Gvern li jinħolqu setturi b'valur miżjud, b'opportunitajiet ta' karriera.
Sabiex tinbena din il-viżjoni, f'Ottubru 2022 beda proċess ta' konsultazzjoni komprensiva li nvolva l-partijiet interessati tal-industrija. Dan l-isforz, flimkien ma' riċerka preliminari u analiżi, wassal għal dan id-dokument ta' viżjoni. Il-Gvern, b'kollaborazzjoni mill-qrib ma' esperti fl-industrija, se juża dan id-dokument bħala l-pedament għal strateġija nazzjonali għas-settur tas-superyachts.
“Dan id-dokument se jservi bħala pjan għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ta' Malta bħala ġurisdizzjoni ewlenija tas-superyachts. Din il-viżjoni fit-tul tirrifletti l-impenn ta' Malta għal tkabbir sostenibbli, impjiegi ta' kwalità għolja, u eċċellenza fl-industrija tas-superyachts, u tpoġġi lil pajjiżna bħala destinazzjoni għad-dilettanti tas-superyachts, sidien, u professjonisti madwar id-dinja," temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Iċ-Chairperson tal-Isteering Committee, Dr Stephanie Fabri, qalet “Dan id-dokument huwa riżultat ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati li ngħaqdu flimkien biex infasslu t-trasformazzjoni ulterjuri tal-ekosistema tas-superyachts. Bħala niċċa fi ħdan is-settur marittimu, din l-istrateġija hija pjan ta' kif is-setturi ekonomiċi eżistenti jkomplu jiddiversifikaw u jittrasformaw. Din l-istrateġija se tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli ta' Malta billi tagħti valur miżjud u impjiegi ta' kwalità. Dan żgur huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għall-viżjoni ekonomika ta' Malta."
Id-dokument jista' jiġi aċċessat hawn.
Għat-tnedija kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Godwin Mifsud u l-Isteering Committee responsabbli mill-abbozzar tad-dokument.