Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana inawgura tliet ċentri ġodda tal-aġenzija servizz.gov, waqt żjara li għamel f'dawn iċ-ċentri akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Massimo Vella.
It-tliet ċentri li għaddew minn rinnovar estensiv jinsabu San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta. Din il-ħidma hi parti minn investiment ta' €850,000 li servizz.gov għamel fl-2023, biex iżid l-aċċessibbiltà għall-pubbliku u jitjieb l-aċċess għas-servizzi pprovduti f'ċentri aktar moderni u siguri. Dan se jwassal ukoll għal użu ta' enerġija aktar effiċjenti.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li servizz.gov huwa l-mezz ewlieni kif is-Servizz Pubbliku jasal għand in-nies, tant li fl-ewwel sitt xhur din l-aġenzija rċeviet aktar minn miljun talba għall-informazzjoni. Sostna li servizz.gov qed tkompli tinvesti fil-pjattaformi kollha tagħha biex il-klijent jinqeda dejjem aktar b'mod immedjat u effiċjenti.
Il-Kap Eżekuttiv Massimo Vella rrimarka li waqt li aktar nies qed jagħmlu użu mis-servizzi diġitali, matul is-sena li għaddiet, 293,000 persuna fittxew assistenza wiċċ imb wiċċ fl-24 ċentru reġjonali li servizz.gov għandu mferrxa mal-pajjiż. Hu f'dan il-kuntest li l-aġenzija qed tinvesti biex timmodernizza dawn iċ-ċentri.
Iċ-ċentri ta' San Pawl il-Baħar (biswit il-Knisja Parrokkjali) u tal-Imsida (fi Triq il-Wied) diġà fetħu l-bibien tagħhom għan-nies, filwaqt li ċ-ċentru l-ġdid tal-Mosta (fi Triq il-Parroċċa) fetaħ l-ewwel darba ilbieraħ.