gov.mt

pr231885

PR231885

30/11/2023

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA It-tħaddim tal-programm MARAM b’ħidma ffukata u deċiżiva qed jgħin bosta familji

Bit-tħaddim tal-programm MARAM (Multi-Agency Risk Assessment Meeting), aktar familji u vittmi ta' vjolenza domestika qed jingħataw l-għajnuna ffukata minn professjonisti li jagħmlu analiżi biex ikun hemm attenzjoni iżjed speċjali fil-każijiet meqjusa iżjed serji.

 

Dan intqal waqt konferenza organizzata mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) bħala parti minn kampanja wiesgħa t'għarfien waqt is-16-il ġurnata t'attiviżmu dwar il-vjolenza domestika. 'Break the Cycle, Be the Change', kienet it-tema tal-konferenza li matulha kien enfasizzat l-importanza illi l-ebda persuna ma tkun esposta għall-ambjent li jipperikola lilha jew lil ta' madwarha, speċjalment jekk ikun hemm tfal fl-istess residenza li fiha jsir dan it-tip ta' abbuż.  

 

Fil-konferenza, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet Soċjali Michael Falzon tkellem dwar il-ħidma li qed twettaq il-MARAM, fergħa oħra li twaqqfet fi ħdan dan il-Ministeru, u li qed tikkordina l-ħidma bejn diversi entitajiet illi jaħdmu mill-qrib każijiet serji ta' vjolenza domestika. Ħidma li intensifikat fl-aħħar xhur u żiedet l-għarfien dwar kunċetti innovattivi bħad-'Danger Assessment', tip t'assessjar illi jintuża f'diversi pajjiżi, u li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jistabbilixxi kemm jista' jkun malajr fatturi assoċjati ma' riskju t'omiċidju f'relazzjonijiet vjolenti.

 

Il-MARAM beda jaħdem wara rakkomandazzjoni li ħarġet mill-inkjesta Valenzia b'rabta mal-qtil ta' Bernice Cassar. Il-Ministru Michael Falzon għamel enfasi li dan il-Gvern se jkompli jinvesti fir-riżorsi umani u ser ikompli jagħti  taħriġ kontinwu lill-professjonisti, sabiex ikunu f'pożizzjoni illi jassistu f'każijiet li verament jeħtieġu attenzjoni immedjata.

 

“Ħdimna ma' 237 każ mit-13 ta' Ġunju sal-lum, każijiet li l-maġġoranza tagħhom kienu vittmi nisa. Ħareġ ukoll li 207 każ kienu konsegwenza ta' vjolenza intima waqt relazzjoni. Realtà oħra ta' vjolenza hija dik bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom, fejn fil-fatt iltqajna ma' 30 każ," spjega l-Ministru Michael Falzon.

 

Il-Ministru Michael Falzon saħaq illi dawn il-każijiet kollha huma meqjusa bħala riskju għoli, u għaldaqstant insista dwar l-importanza ta' dan ix-xogħol, illi jidentifika kemm jista' jkun malajr sitwazzjonijiet ta' dan it-tip, u li jevitaw diżgrazzji.

 

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li l-ebda persuna, hi ta' liema sess hi, m'għandha qatt tagħlaq għajnejha f'sitwazzjonijiet fejn hemm każijiet ta' vjolenza domestika. “Kull wieħed u waħda minna jista' jkun il-bidla sabiex flimkien inkissru dan iċ-ċiklu tal-vjolenza domestika – u dan jista' jsir biss jekk neliminaw s-silenzju dwar din il-pjaga soċjali," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. 

 

Is-Segretarju Parlamentari żiedet tgħid li Malta hija meqjusa bħala wieħed mill-pajjiżi bl-inqas każi ta' vjolenza domestika u dan hu rifless f'indiċi globali, madankollu l-gvern ser jibqa' għaddej f'ħidma intensiva favur l-eliminazzjoni tal-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.

​​​​