gov.mt

pr231945

PR231945

07/12/2023

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Jitħabbru d-dettalji dwar l-attività Festa Annimali, ċelebrazzjoni favur l-adozzjoni tal-annimali

Matul il-festa pubblika ta’ għada, it-8 ta’ Diċembru, ser tiġi organizzata Festa Annimali bit-tema ‘Tini Ċans, Ħudni d-Dar’ fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. Din l-attività ser tittella’ bejn l-10:00am u l-4:00pm, u se jkun hemm divertiment għall-familja kollha, fosthom diversi stalls tal-Milied, logħob għat-tfal, wirjiet informatiċi, u post sigur fejn il-klieb ikunu jistgħu jilagħbu.

Waqt l-attività ser tingħata informazzjoni lill-pubbliku minn diversi għaqdiet volontarji, veterinarji u professjonisti, trainers u behaviourists tal-annimali, sabiex tħeġġeġ aktar individwi u familji biex jadottaw annimal li bħalissa qiegħed jinżamm fi ħdan is-santwarji tal-annimali.


Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tenniet l-impenn tal-gvern flimkien mal-għaqdiet volontarji u dawk kollha involuti f’dan il-qasam, li l-ebda annimal ma jisfa’ abbandunat. Hija saħqet li hemm bżonn li aktar annimali abbandunati jsibu dar fejn ikunu jistgħu jingħataw il-kura u l-attenzjoni kollha li jeħtieġu. Hija temmet billi ħeġġet lill-pubbliku sabiex jattendi għal din l-attività. 

Waqt Festa Annimali ser jiġu organizzati wkoll numru ta’ attivitajiet ta’ fundraising bil-għan li jinġabru fondi għas-santwarji tal-annimali, fosthom bike ride għad-dilettanti kollha tal-muturi. Sabiex dawn il-voluntiera jkomplu jagħtu servizz importanti lil komunitajiet differenti, u jagħtu l-għajnuna u l-protezzjoni kollha meħtieġa lill-annimali li jiġbru, il-ministeru ser ikun qiegħed jirdoppja l-ammont ta’ flus li ser jinġabru mill-fundraising u ser jitqassmu lill-għaqdiet volontarji preżenti.