gov.mt

pr240030

PR240030

13/01/2024

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI: It-tnedija uffiċjali tar-Reġjun Kulturali tal-Lvant 2024

Matul din is-sena l-Kunsill Reġjonali tal-Lvant qed jokkupa t-titlu tar-Reġjun Kulturali 2024. Għal dan il-għan, dan il-Kunsill Reġjonali b'kollaborazzjoni mat-12-il lokalità fi ħdanu, ser itellgħu programm kulturali li jiċċelebra u jippromwovi l-wirt kulturali uniku ta' dawn it-tnax il-lokalità. Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ffinanzja lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant kwart ta' miljun ewro għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm kulturali, filwaqt li r-Reġjun se jikkontribwixxi €25,000 għall-istess għan.

 

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tal-President Reġjonali tal-Lvant Anthony Chircop. Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li t-titlu tar-Reġjun Kulturali ser jagħti kontribut addizzjonali fil-promozzjoni tal-kultura, l-artisti u t-tradizzjonijiet lokali tat-tnax-il lokalità fi ħdan ir-Reġjun Lvant. “Inizjattivi u attivitajiet kulturali jsawru fina sens ta' komunità u jkomplu jsaħħu l-identità tagħna", saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Is-Segretarju Parlamentari temmet id-diskors tagħha billi awgurat kull suċċess għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm kulturali u ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi u jipparteċipa fl-attivitajiet u inizjattivi li għandu ppreparati r-Reġjun.

 

Il-President tar-Reġjun Lvant Anthony Chircop qal li l-għan ewlieni tal-programm kulturali huwa li jippromwovi l-aspetti kulturali diversi li jiċċelebraw tradizzjonijiet antiki u kontemporanji u li joħloq spazju għal kulturi oħra wkoll. Is-Sur Chircop ħabbar ukoll li r-Reġjun ser ikun qed jippubblika Policy Document li se jirrakkomanda diversi miżuri ambjentali fir-rigward ta' attivitajiet soċjali organizzati mill-Kunsill Reġjonali u l-Kunsilli Lokali.

 

It-tnax il-lokalità li jagħmlu parti minn dan ir-Reġjun huma Għargħur, Birkirkara, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, il-Pietà, San Ġiljan, Pembroke, is-Swieqi, tas-Sliema u Ta' Xbiex. Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, is-Sindki, il-Kunsilliera u s-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun tal-Lvant.​