gov.mt

PR240220

PR240220

12/02/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU U L-INDAFA PUBBLIKA: Fl-2023 Malta tirreġistra l-aqwa riżultati turistiċi fl-istorja


Fl-2023, Malta rreġistrat l-aqwa riżultati turistiċi fl-istorja f’termini ta’ wasliet, iljieli mqattgħin f’pajjiżna u anke b’mod notevoli fin-nefqa turistika fl-ekonomija Maltija. Matul is-sena msemmija, f’pajjiżna waslu ’l fuq minn 3 miljun turist li qattgħu 20.2 miljun lejl fil-Gżejjer Maltin u nefqu madwar €2.7 biljun fl-ekonomija Maltija. 

B’mod sinifikattiv, filwaqt li l-Ewropa bħala reġjun irkuprat medja ta’ 96% il-volumi li esperjenzat lura fl-2019, is-sena li għaddiet Malta rnexxielha tissupera n-numru ta’ viżitaturi b’9% meta mqabbel mal-aħħar sena ta’ qabel il-pandemija. 

L-aktar swieq b’saħħithom kienu dak Taljan, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż u Pollakk li ammontaw għal 18.4%, 18.1%, 9.6%, 7.3%, 5.8% tat-turisti li waslu f’Malta s-sena li għaddiet. 

Dawn id-dettalji tħabbru f’seminar organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bit-tema ‘Writing History Together’ li kien indirizzat mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo. 

Il-Ministru Bartolo rrimarka kif dawn ir-riżultati m​humiex il-punt tal-wasla imma jitfgħu fuq il-Gvern u l-komunità turistika iżjed responsabiltà biex ikomplu jgħollu l-kwalità fil-prodott turistiku. 

“L-għan tagħna għal din is-sena u lil hinn hija li nattiraw turisti ta’ kwalità ogħla matul is-sena kollha. Dan ser nagħmluh billi nkomplu ntejbu l-effiċjenza tar-reklamar ta’ pajjiżna barra minn xtutna, insaħħu s-swieq primarji u sekondarji tagħna, intejbu l-konnettività bl-ajru, nippreservaw il-patrimonju kulturali u nintegraw prattiċi sostenibbli fost l-ispettru tal-ospitalità Maltija,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.