gov.mt

pr240221

PR240221

12/02/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Konferma oħra kif il-Gvern irriforma biex ta serħan il-moħħ lill-bdiewa


Sentenza li ngħatat illum mill-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma kemm ir-riforma fil-liġijiet tal-qbiela li għamel il-Gvern kienet waħda f'waqtha u li maħsuba biex tħares lill-bdiewa f'pajjiżna. Din kienet bidla fil-liġijiet li kienet akkumpanjata b'miżuri oħra li daħħlu ġustizzja u li taw serħan il-moħħ lill-bdiewa għaliex iddaħħlet ukoll sistema iktar ġusta ma' sid l-art.

 

Kienet il-Qorti, li fis-sentenza tal-Imħallef Ian Spiteri Bailey, innotat li minn meta bdew il-proċeduri biex jiġu żgumbrati l-bdiewa, il-Gvern mexxa emendi importanti. 

 

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, innota b'sodisfazzjon din id-deċiżjoni tal-Qorti li tagħraf il-bżonn li l-bdiewa tagħna jiġu protetti kontra l-ispekulazzjoni inġusta minn sidien ta' artijiet agrikoli.

 

“Idejn il-bdiewa ssaħħu bir-riformi li dan il-gvern kellu kuraġġ li jagħmel. Kien hemm min kien qed jipprova jiżgombra lill-bdiewa, kien hemm min kien qed jikkummenta dwar dan, imbagħad kien hemm il-Gvern li aġixxa b'riforma mill-iktar kuraġġuża," qal il-Ministru Anton Refalo b'reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.

 

“Din id-deċiżjoni hija ċertifikat ieħor ta' kemm ir-riformi li daħħal dan il-gvern f'dawn l-aħħar snin qegħdin jaħdmu u jagħtu r-riżultati mixtieqa," temm jgħid il-Ministru Refalo.

 

​