gov.mt

pr240337

PR240337

01/03/2024

​ STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER


“Irid ikun hemm serħan il-moħħ li bl-ebda mod ma għandu jkun hemm forma ta’ ostaklu  fl-emanċipazzjoni sħiħa tal-mara fis-soċjetà, il-għaliex jekk ikun il-każ, dan iwassal biex tonqos il-kapaċità akkademika u intelletwali biex jingħelbu l-problemi u d-diffikultajiet kbar fl-iżvilupp sostenibbli u dak uman fid-dinja” – Speaker

L-Ispeaker tenna li jrid ikun hemm serħan il-moħħ li bl-ebda mod ma għandu jkun hemm forma ta’ ostaklu  fl-emanċipazzjoni sħiħa tal-mara fis-soċjetà, il-għaliex jekk ikun il-każ, dan iwassal biex tonqos il-kapaċità akkademika u intelletwali biex jingħelbu l-problemi u d-diffikultajiet kbar fl-iżvilupp sostenibbli u dak uman fid-dinja.  Dan qalu llum waranofsinhar meta rċieva  żjara ta’ kortesija mill-Altezza Rjali l-Prinċep Prof. Adnan El Hashemite, Dekan, u l-Altezza Rjali l-Prinċipessa Dott. Nisreen El Hashemite Direttur Eżekuttiv tal-Royal Academy for Science and International Trust (RASIT).  

Huma żaru pajjiżna biex ikunu preżenti għall-għeluq tal-mandat ta’ Malta Kapitali Dinija tal-Mara u Bniet fi Xjenza 2023 – 2024.  Matul din is-sena, diversi entitajiet pubbliċi, inkluż id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, l-Università ta’ Malta, il-Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), l-iskejjel, l-Esplora fi ħdan il-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) taw il-kontribut tagħhom biex jiżdied in-numru tal-istudenti li jistudjaw ix-xjenzi. Diversi nisa studjużi fi xjenza taw is-sehem tagħhom f’kampanja nazzjonali biex iħeġġu aktar lit-tfal, kemm bniet u subien, jagħrfu l-importanza ta’ xjenza fil-ħajja ta’ kuljum.

Fil-11 ta’ Frar ta’ kull sena, issir it-tifkira tal-Jum Dinji tal-Mara u l-Bniet fi Xjenza b’enfasi fuq li jingħelbu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-nisa mpenjati fl-istudju, ir-riċerka u l-professjoni f’diversi oqsma ta’ xjenza. Is-sitwazzjoni mhix tant sabiħa, għax waqt ix-xjenzjati nisa huma kompetenti ħafna, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom huma nferjuri għall-kollegi tagħhom irġiel.  

Matul din iż-żjara f’Malta, il-Royal Academy for Science and International Trust (RASIT) onorat lil dawn individwi:

Prof. Pauline Galea ġiet onorata bil-Midalja Rjali tal-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Mohammed Bin ir-Re Faisal (I) El Hashemite għall-istudji tagħha fi xjenza dwar il-periklu siżmiku fil-gżejjer Maltin.  Il-Prof. Galea waqqfet il-Malta Seismic Network u Seismic Monitoring and Research Group fi ħdan id-Dipartiment ta’ Geosciences fl-Universita’ ta’ Malta.

HSBC Malta Foundation kisbet l-unur ta’ RASIT Institute of Excellence Recognition Award għall-appoġġ kontinwu li din l-Fondazzjoni tagħti li għadd ta’ inizjattivi ntiżi biex iħeġġu lit-tfal u studenti Maltin, b’mod partikulari lin-nisa u bniet fis-suġġetti STEM, Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika.

RASIT School of Excellence Recognition Award lill-Kulleġġ Sant’Injażju, għal għadd sabiħ ta’ inizjattivi u proġetti ta’ xjenza li jsiru mill-għalliema, kemm fl-iskejjel tal-primarja u s-sekondarja, intiżi biex l-istudenti jagħrfu l-importanza ta’ xjenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Matul din il-laqgħa mal-Ispeaker, il-Prinċpijiet tennew l-impenn tagħhom fit-tagħlim ta’ xjenza, b’mod partikolari mat-tfal tal-iskejjel fid-dinja, u l-ħbiberija partikolari li huma għandhom ma’ Malta.


​​​