gov.mt

PR240396

PR240396

12/03/2024

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Imnedija 5 skemi ta’ appoġġ biex tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni fil-programm Horizon Europe


F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti nieda ħames skemi tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta' entitajiet Maltin fil-programm Horizon Europe. ​​

L-iskemi li ġew imnedija huma:

  • ERC Support Scheme – riċerkaturi se jkollhom l-opportunità u se jiġu megħjun biex jaċċessaw fondi mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka;
  • Horizon Europe Networking Support Scheme – permezz ta' din l-iskema partijiet interessati se jingħataw fondi biex jattendu għal networking events ta' Horizon Europe;
  • Horizon Internationalisation Partnership Award Scheme – din l-iskema toffri appoġġ lill-entitajiet Maltin li jkunu se jissottomettu proposta għall-fondi bħala koordinaturi ta'proġetti taħt il-Horizon Europe;
  • Postdoctoral Fellowship Training Scheme for Incoming Postdocs to Malta – din l-iskema tkopri l-ispejjeż relatati mal-ivvjaġġar ta' riċerkatur t'esperjenza (post-dottorali) li jkun se jikkollabora ma' entità Maltija f'proġett tal-Horizon Europe taħt l-Marie Curie Fellowships; u
  • European Innovation Council Support Scheme – din l-iskema toffri appoġġ lil min jkun se japplika għall-fondi taħt il-Programm tal-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni, taħt Horizon Europe.

Waqt id-diskors tiegħu, is-segretarju parlamentari qal li permezz tat-tnedija ta' dawn l-iskemi se tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni Maltija fil-programm tal-UE, Horizon Europe. Għal dawn l-iskemi ta' appoġġ ġew allokati  €200,000.

Huwa spjega li fl-ewwel tliet snin tal-programm Horizon Europe, entitajiet Maltin irċevew kważi €38 miljun f'fondi mill-programm. Dan jaqbeż l-ammont li rċevew taħt il-programm preċedenti, Horizon 2020 fejn entitajiet Maltin irċevew €37.5 miljun fuq medda ta' seba' snin. Dan apparti li r-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet tal-proġetti Maltin f'Horizon Europe kompliet tiżdied mas-snin.

“Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex javvanza l-kapaċitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi ta' Malta. Dan flimkien mal-ħafna riżultati u proposti tajbin li qed jitressqu mill-istakeholders Maltin," temm jgħid is-segretarju parlamentari.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Tonio Portughese stqarr li, “Permezz tat-tnedija ta' dawn l-iskemi ta' appoġġ qed tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-Maltin fil-Framework Programmes tal-UE, u minkejja n-natura kompetittiva li għandhom dawn is-sejħiet il-parteċipanti Maltin qed ikollhom suċċess kbir. Il-Kunsill kommess li jkompli jappoġġja l-iżvilupp kontinwu tar-riċerka u l-innovazzjoni."

Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-iskemi wieħed jista' jżur hawn.