gov.mt

pr240527

PR240527

03/04/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL: Il-binja tal-AWAS fil-Marsa mhux se sservi aktar bħala ċentru ta’ akkomodazzjoni għall-immigranti


Fl-aħħar ġranet ġiet imwettqa miżura oħra tal-programm elettorali tal-Gvern hekk kif il-binja tal-eks skola Dun Ġwann Mamo fil-Marsa mhux ser tibqa' tintuża bħala ċentru li fih jiġu akkomodati l-immigranti. Fl-aħħar xhur beda wkoll xogħol fuq din il-binja sabiex tibda tintuża għal skopijiet amministrattivi u ssir parti mill-pjanijiet ta' riġenerazzjoni fiż-żona. 

 

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol għandu l-ħsieb li l-faċilitajiet sportivi u spazji oħra fuq l-istess sit jintużaw mill-komunità tal-Marsa u jiġu amministrati mill-Kunsill Lokali tal-Marsa. Dan ser iseħħ wara li fl-aħħar xhur il-Kunsill Lokali ingħata aċċess għal dan il-post u beda jorganizza attivitajiet fih. 

 

“Il-komunità Marsija refgħet piż sproporzjonat matul is-snin u dan il-Gvern impenjat li s-sitwazzjoni tinbidel. Għalaqna dan iċ-ċentru mingħajr ma poġġejna piżijiet fuq irħula oħra fil-pajjiż. Ħadna numru ta' snin biex dan seħħ iżda ridna nkunu ċerti li nagħmlu dan mingħajr ma jiġu affettwati s-servizzi li toffri l-AWAS," qal il-Ministru Byron Camilleri meta kien qiegħed iżur dan il-post. 

 

Huwa fakkar f'numru ta' deċiżjonijiet li ħa l-Gvern sabiex ikun jista' jindirizza l-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari u r-riżultat li nkiseb fl-2023 fejn aktar immigranti irregolari ħallew pajjiżna milli waslu. 

 

Filwaqt li l-awtoritajiet Maltin jibqgħu dejjem preparati għal kull eventwalità, id-deċiżjonijiet li ttieħdu qed iħallu differenza fil-komunitajiet tagħna bil-provi. Il-Ministru Camilleri għamel referenza għat-tnaqqis fil-wasliet, il-ħidma li saret sabiex il-proċess tal-ażil isir wieħed aktar effiċjenti u l-enfasi li qed issir fuq ir-ritorn ta' immigranti irregolari. 

 

Matul iż-żjara l-Ministru Byron Camilleri kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb. Il-Ministru Camilleri rringrazzja lit-tmexxija u l-ħaddiema kollha tal-AWAS, filwaqt li faħħar l-impenn u l-ħidma tagħhom sabiex jassistu nies bi sfidi varji f'kull ċirkostanza.​