"Libja b'saħħitha u ta' suċċess hija indispensabbli għal Mediterran b'saħħtu u ta' suċċess" - Il-Ministru Ian Borg jiftaħ l-ewwel Forum Libjan-Malti tal-Kummerċ u l-Esportazzjoni sa mill-2012
“Il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tagħna jeħtieġu prosperità Mediterranja komuni u ġusta. M'hemmx dubju li Libja b'saħħitha u ta' suċċess hija parti indispensabbli minn Mediterran b'saħħtu u ta' suċċess." Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg afferma d-determinazzjoni ta' Malta li tappoġġja lill-Libja fl-isforzi tagħha lejn it-tkabbir ekonomiku u d-diversifikazzjoni meta kien qed jiftaħ il-Forum Libjan-Malti għall-Kummerċ u l-Esportazzjoni. Il-forum huwa l-ewwel avveniment konġunt bejn Malta u l-Libja tat-tip tiegħu sa mill-2012.
Il-Ministru Libjan tal-Ekonomija u l-Kummerċ Mohammed Al-Hweij u l-Ministru Libjan tal-Ġid tal-Baħar Adel Sultan indirizzaw ukoll is-sessjoni tal-ftuħ tal-Forum, li kien jinkludi wirjiet minn kumpaniji Libjani, żjarat kummerċjali u diskussjonijiet dwar oqsma ekonomiċi ta' interess reċiproku għaż-żewġ pajjiżi, bil-parteċipazzjoni ta' Trade Malta, Malta Enterprise u rappreżentanti tas-settur bankarju, tal-assigurazzjoni, tal-finanzi, tas-sajd u setturi oħra.
“Il-Libja tibqa' l-akbar sieħeb tal-esportazzjoni ta' Malta fir-reġjun u sieħeb ewlieni tal-importazzjoni, minkejja li għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex dawn iċ-ċifri jerġgħu lura għal-livelli preċedenti tagħhom. L-avveniment tal-lum huwa pass importanti lejn dan il-għan," qal il-Ministru Borg. Huwa enfasizza s-suċċess ta' diversi negozji Maltin li stabbilixxew relazzjonijiet kummerċjali profondi bejn iż-żewġ pajjiżi matul is-snin u li għadhom qed jirreġistraw riżultati pożittivi llum.
Il-Ministru Borg esprima t-tama tiegħu li dan il-Forum fuq jumejn iħejji t-triq għal kollaborazzjoni mġedda mal-Libja f'setturi li huma l-aktar importanti għaż-żewġ pajjiżi. “Nilqa' t-tħabbira reċenti tal-Ministru Al-Hweij ta' ħidma biex titnaqqas id-dipendenza tal-Libja fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt, u biex tiżdied il-kontribuzzjoni tal-valur miżjud gross ta' setturi bħall-agrikoltura, l-industrija u t-turiżmu. Dan il-vjaġġ ifakkarna fl-isforzi kontinwi tagħna stess biex naddattaw għall-kuntest ekonomiku internazzjonali, u huwa vjaġġ li nittamaw li Malta u l-Libja jagħmlu flimkien."
Il-Ministru Borg u l-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri kellhom ukoll taħditiet bilaterali mal-Ministru Al-Hweij, biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi ekonomiċi u politiċi fil-Libja u jesploraw toroq għall-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jissaħħu filwaqt li enfasizza l-għan li jissaħħaħ is-settur kummerċjali u l-isfidi jinbidlu fi stejjer ta' suċċess. “Irridu naraw li negozju Malti ikollu l-fiduċja li jinvesti fil-Libja, bħalma jinvesti f'pajjiżna," temm jgħid il-Ministru Schembri.