gov.mt

pr240824

PR240824

15/05/2024

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Pajjiżna se jibda jippreserva l-ispeċi ta’ pjanti li jinsabu fil-gżejjer Maltin



Għall-ewwel darba, pajjiżna għandu Bank Nazzjonali tal-Ġeni tal-Pjanti f’Ħal Lija, sabiex jippreserva u jissalvagwardja l-ispeċi ta' pjanti fil-gżejjer Maltin, billi jaħżen żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex u frott Maltin, kif ukoll pjanti indiġeni u endemiċi.
  
Ħabbar dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, fejn spjega li dan il-proġett, li jaqa’ taħt id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, sar b’investiment ta’ aktar minn €3 miljun minn fondi nazzjonali u dawk Ewropej mill-fondi għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020.  

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll li issa ser jibda ix-xogħol ta’ ġbir u konservazzjoni ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet lokali u pjanti indiġeni, kif ukoll il-kollezzjoni ta’ herbaria għal studji botaniċi u studji ġenetiċi, biex tiġi dokumentata il-bijodiversità botanika ta’ pajjiżna matul is-snin li ġejjin. Il-proġett ser jinkludi wkoll mużew tal-botanika li ser ikun disponibbli għall-pubbliku sabiex ikun jista’ japprezza x-xogħol li jkun qed isir ġewwa il-Bank tal-Ġeni u jara l-bijodiversità ta’ pajjiżna taħt lenti xjentifika.

“It-twaqqif ta’ dan il-Bank tal-Ġeni huwa ta’ importanza hekk kif pajjiżna huwa mogħni bi pjanti u ħxejjex uniċi, li għandhom karatteristiċi imprezzabbli li jistgħu jgħinuna niġġieldu l-isfidi li ġġib magħha t-tibdil fil-klima, kif ukoll il-pesti, il-mard u theddid ieħor għall-produttività agrikola tagħna. Ser isservi wkoll bħala repożitorju ta’ riżorsi ġenetiċi, li ser jippermettilna naddattaw għall-kundizzjonijiet ambjentali li qegħdin jinbidlu, u niżviluppaw uċuħ tar-raba reżiljenti, u nsaħħu s-sigurtà tal-ikel għall-ġejjieni,” temm jgħid il-Ministru Anton Refalo. 

Min-naħa tiegħu, Dennis Sciberras, id-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, spjega li permezz tal-Bank Nazzjonali tal-Ġeni tal-Pjanti se jiġu konservati varjetajiet ta’ siġar inkluż tal-frott u ħaxix. Dan sabiex jiġi żgurat li r-razez Maltin, speċjalment dawk li saru skarsi mhux biss ma jintilfux imma jinstab mezz sabiex isir użu aħjar tagħhom għall-benefiċċju tal-bdiewa Maltin u l-konsumaturi. “B’hekk se jiġi żgurat li ħxejjex tal-borma u siġar tal-frott li aħna mogħnija bihom jibqgħu jiġu garantiti għal ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jibgħat email fuq [email protected] jew jċempel fuq 22926535.