gov.mt

pr250410

PR250410

13/03/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Għaddej ġmielu x-xogħol fuq iċ-Ċentru Reġjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali f’Bormla

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela żar ix-xogħlijiet li qed jitwettqu biex jinbena ċ-Ċentru Reġjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali f'Bormla. Dan il-proġett qed isir ukoll b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.

 

Il-ministru spjega kif preżentement is-servizzi tas-saħħa mentali f'Bormla qed jiġu pprovduti minn tliet kmamar fiċ-Ċentru tas-Saħħa fejn qed jilħqu biss 12,000 abitant. Kompla li la jitlesta dan il-proġett u jibda jopera ċ-Ċentru Reġjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, dan ser jgħin mhux biss biex jtejbu s-servizz u l-faċilitajiet marbuta mas-saħħa mentali fil-komunità, imma wkoll ser jwessgħu s-servizz biex jilħaq madwar 47,000 abitant.

 

Ġie spjegat ukoll li ċ-Ċentru Reġjonali għas-Servizzi tas-Saħħa Mentali f'Bormla se jwassal għal titjib kbir fis-servizz fejn se jkun qed jipprovdi lill-individwi, fost oħrajn, pjanijiet ta' riabilitazzjoni personalizzati. Iċ-Ċentru se jkollu wkoll kamra sensorjali għall-adulti li se tgħinhom jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet, itaffu l-istress, u jtejbu l-benesseri tagħhom mhux biss bil-medikazzjoni.

 

“Permezz ta' dan il-proġett se nkunu qed nagħmlu pass importanti ieħor fl-istrateġija tal-Gvern fejn tidħol kura għas-saħħa mentali. Dan il-hub reġjonali ser ikun qed jaqdi numru ta' rħula min-naħa t'isfel ta' Malta u se jgħin biex jagħti kura ta' kwalità għolja u ċċentrata fuq il-persuna f'ambjent modern u funzjonali, filwaqt li se jwassal għal titjib fir-riżultati tal-pazjenti," temm jgħid il-ministru.​​