gov.mt

PR250629

PR250629

15/04/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tkompli ttejjeb ir-rata tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ



Malta qed turi impenn qawwi biex tindirizza t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (ELET), u fl-2024 ir-rata naqset għal 9.6%. Dan joħroġ minn stħarriġ ippubblikat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, li juri titjib sinifikanti fir-rata ta’ pajjiżna tal-ELET.

“Dan ir-riżultat pożittiv huwa frott investiment sostnut f’strateġiji ta’ prevenzjoni proattiva, li jirrifletti l-impenn kollettiv tagħna lejn it-titjib tar-riżultati edukattivi għal kulħadd, kif enfasizzat b’mod qawwi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Din il-kisba tqiegħed lil Malta viċin ħafna tal-mira tal-Unjoni Ewropea li sal-2030 tnaqqas ir-rata tal-ELET għal 9%, b’Malta issa biss 0.6 punti perċentwali ’l bogħod minn din il-mira u 0.3 punti perċentwali biss ’il bogħod mill-medja attwali tal-UE.

Il-mod effettiv tal-approċċ ta’ Malta jidher fi programmi bħal Family Community School Link (FCSL), li għandu rwol vitali fl-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ appoġġ madwar l-istudenti, billi jirrikonoxxi l-influwenza kruċjali tal-familja u l-komunità fuq l-involviment edukattiv.

It-tnaqqis fir-rata tal-ELET għandu implikazzjonijiet b’saħħithom kemm għall-istudenti individwali kif ukoll għas-soċjetà Maltija kollha kemm hi, għaliex jirrappreżenta żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. 

L-impenn kontinwu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni f’dan is-settur huwa msaħħaħ aktar bit-tnedija tal-istrateġija ELET fl-2024, li hija parti integrali mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030.

“Dan huwa riżultat li jirrifletti d-dedikazzjoni kontinwa tagħna biex inkomplu nibnu sistema edukattiva inklużiva u ġusta li tagħti s-setgħa lil kull student jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. Fil-perkors tal-ħidma tagħna qed inħarsu lejn għan wieħed, li s-settur edukattiv ikun bażi soda għall-ġid tal-istudenti tagħna u qed naraw li s-sistema tal-edukazzjoni Maltija timxi lejn approċċ aktar iffukat fuq il-persuna u l-kisba olistika,” spjega l-Ministru Clifton Grima.

Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi li b’mod kostanti naqqsu r-rata f’dawn l-aħħar snin. Mill-2017 ’l hawn, Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tnaqqis fl-ELET mill-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-Ministru Clifton Grima fakkar li fl-2015, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ppubblikat strateġija speċifika dwar it-Tluq Bikri mill-Iskejjel (ESL), għal studenti li ma kisbux kwalifiki ta’ livell sekondarju superjuri. Reċentement, l-ESL beda jissejjaħ “Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (ELET) biex jinkludi mhux biss il-perkorsi akkademiċi imma wkoll dawk vokazzjonali.

Ir-riżultat tal-lum huwa ferm differenti mill-qagħda li kien jinsab pajjiżna lura f’Diċembru 2005, meta r-rata kienet laħqet rekord ta’ 33%. Bl-istess mod, jekk wieħed jersaq aktar viċin iż-żminijiet tal-lum, lura fl-2012 ir-rata kienet ta’ 18.1%, mentri llum ir-rata naqset kważi bin-nofs għal 9.6%, bis-sitwazzjoni f’pajjiżna aħjar minn dik ta’ pajjiżi oħra bħall-Italja, l-Ungerija, d-Danimarka, l-Ġermanja u Spanja, fost pajjiżi oħra.


​​