F'konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela tkellem dwar l-avvanzi li qed isiru fil-qasam tal-kirurġija vaskulari.
Il-Ministru Abela stqarr li bl-avvanzi li qed jagħmlu u bl-innovazzjoni li qed jintroduċu, qed iwettqu proċeduri personalizzati fil-kirurġija vaskulari li minnhom gawdew 'il fuq minn 500 pazjent. Huwa semma kif parti mill-viżjoni tal-Gvern f'dak li jirrigwardja kura tas-saħħa hija li jkomplu jinvestu fil-prevenzjoni.
Il-Ministru semma kif l-iscreening fl-irġiel li jkunu għalqu 65 sena ilu jsir għal dawn l-aħħar sentejn u nofs. Qal kif dan jgħin biex jiġi identifikat mard fi stadju bikri u b'hekk ikunu jistgħu jikkuraw u jsalvaw ħajjet il-pazjent.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Kevin Cassar, Lead Clinician fil-qasam, spjega l-importanza tal-iscreening għal kundizzjoni tal-aortic aneurysm. Meta ssir dijanjosi bikrija bl-ultrasound, eżami ulterjuri bis-CT scan tipprovdi mappa tal-arterji li twassal għal proċeduri personalizzati ta' EVAR u TVAR.
Il-Ministru Abela kompla jispjega kif fil-passat dawn l-interventi kienu jsiru f'operazzjoni kbira fejn tinfetaħ iż-żaqq u l-arterja tinbidel. Tenna, kif grazzi għall-avvanzi li qed isiru fis-settur tas-saħħa, dan l-intervent issa qed isir b'qasma żgħira fil-kuxtejn fejn minnha jdaħħlu bħal molla li biha tiġi kkurata din il-kundizzjoni u telimina r-riskju li l-arterja tinfaqa' u l-persuna titlef ħajjitha. “Bit-teknoloġija u l-interventi li għandna il-kura mhux biss hija effettiva imma fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet dak li jkun tirritorna lejn id-dar fil-pront," sostna l-Ministru Abela.
Il-Ministru qal li biex ikomplu jtejbu is-servizz, il-pass kbir li jmiss u li diġà beda l-proċess fuqu, hu li jiftħu sala tal-operazzjonijiet speċjalizzata f'dan il-qasam bl-aktar teknoloġija avvanzata u li hi l-ewwel waħda ta' din ix-xorta f'pajjiżna. Dan ifisser li jistgħu isalvaw iżjed ħajjiet, imma wkoll li l-pazjent iqatta' biss 24 sa 48 siegħa fl-isptar u jkun jista' jkompli bl-attivitajiet kollha li kien jagħmel qabel minnufih.
“Grazzi lill-professjonisti kollha li qed joffru dan is-servizz ta' eċċellenza. Aħna lesti li nkomplu ninvestu sabiex dan is-settur ikompli javvanza kif jixraq," temm jgħid il-Ministru Abela.