Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Aquatic Resources Malta, Dr Frank Fabri, nediet il-proġett ‘Diversifikazzjoni tal-Ispeċi fl-Akwakultura Maltija’. Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew Marittimu, tas-Sajd u l-Akwakultura (EMFAF).
Il-proġett għandu l-għan li jindirizza l-vulnerabilità tas-settur tal-akwakultura permezz ta’ trobbija f’ċiklu magħluq. Bħalissa dan qed isir fuq żewġ speċi – l-awrat u l-ispnott – b’dan il-proċess qed jipproduċi madwar 2,500 tunellata fis-sena ta’ dawn l-ispeċi. Permezz ta’ dan il-proġett se jiġu introdotti żewġ speċi ġodda – l-aċċjola u l-pagri – u permezz tiegħu se jiġu żviluppati protokolli ta’ trobbija f’ċiklu magħluq ta’ ħut ta’ valur għoli. Għal dan l-għan, l-aġenzija attrezzat il-pump room u l-faċilitajiet akwatiċi kif meħtieġ sabiex l-ispeċi differenti jkunu jistgħu jgħaddu minn proċess għal ieħor. L-akkwist tal-aċċjola u l-pagru saret permezz ta’ sejħa pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said faħħret il-ħidma li qed twettaq l-aġenzija. “L-akwakultura hija prijorità għal dan il-gvern u dan urejnieh meta waqqafna din l-aġenzija. Bi proġetti bħal dawn qed inkomplu nuru kif se nkomplu nagħtu sostenn lil dan is-settur. Bil-ħidma ta’ din l-aġenzija se nkomplu nsaħħu r-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur lokali,” sostniet is-segretarju parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said innutat ukoll b’sodisfazzjon l-investimenti li qed isiru mill-aġenzija biex tkompli tiżviluppa u toffri taħriġ lill-impjegati, anke permezz ta’ sħubijiet mal-privat. Kompliet li dan it-taħriġ se jwassal ukoll sabiex eventwalment isir użu minn gaġeġ fil-baħar għal tkabbir u l-eventwali tibjid tal-aċċjola.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Dr Frank Fabri qal, “Il-missjoni tal-aġenzija hi li nsaħħu dan is-settur, kemm b’riċerka ta’ kwalità kif ukoll billi npoġġu s-sajd u l-akwakultura f’pożizzjoni strateġika għall-iżvilupp sostenibbli. Dan il-proġett jirrifletti l-impenn tal-aġenzija u huwa pass kruċjali ’l quddiem biex isaħħaħ il-kapaċità nazzjonali fil-qasam tal-akwakultura. Il-proġett huwa wkoll frott ta’ impenn kollettiv u nħarsu ’l quddiem għal aktar inizjattivi favur is-sostenibbiltà tas-settur.”
Min-naħa tiegħu, Dr Jurgen Mifsud, xjenzat u riċerkatur fl-aġenzija, spjega li permezz ta’ dan il-proġett se jiġu introdotti teknoloġiji avvanzati, bħal sistemi ta’ monitoraġġ awtomatizzati, kif ukoll fish feed bħal probijotiċi u mikroalgi. Huwa kompla jispjega li se jiġu żviluppati protokolli standardizzati għal kull speċi, li jkunu applikabbli kemm lokalment kif ukoll f’żoni kostali Ewropej oħra. Semma wkoll li lejn l-aħħar tal-proġett se jiġu offruti sessjonijiet edukattivi u workshops għal studenti u professjonisti fis-settur.
Mark Vella, Kap tal-Komunikazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, faħħar dan il-proġett li jġib flimkien l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà favur id-diversità fl-akwakultura. Hu rrimarka kif f’Jum l-Ewropa l-proġett ta’ riċerka li Aquatic Resources Malta nediet hu xempju ta’ kif il-Kummissjoni Ewropea, li Malta hija membru, tagħmel sens f’termini reali u tasal tilħaq l-interessi taċ-ċittadini Ewropej billi tippromwovi d-diversità fl-akwakultura.