Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni nieda l-Iskema għall-Iżvilupp u l-Innovazzjoni fil-Komunità 2025. Din l-iskema hija intiża biex tħeġġeġ l-innovazzjoni u l-iżvilupp fl-irħula tagħna, permezz ta' għajnuna finanzjarja lil organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u għaqdiet volontarji rreġistrati, biex iwettqu proġetti innovattivi li jagħtu valur lill-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ddeskriva din l-iskema bħala pass sinifikanti biex ir-riċerka u l-innovazzjoni jinġiebu eqreb lejn il-komunitajiet lokali. “Din l-inizjattiva għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell lokali permezz ta' NGOs u għaqdiet volontarji li għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà tagħna. Il-Gvern se jkompli jsaħħaħ ir-rabta bejn ir-riċerka u l-ħajja ta' kuljum tal-komunità, b'soluzzjonijiet innovattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies."
Iċ-Chairperson tal-Bord tal-Iskema għall-Iżvilupp u l-Innovazzjoni fil-Komunità, Andrew Mizzi, irrimarka li sal-lum madwar 120 organizzazzjoni diġà gawdew mill-benefiċċji ta' din l-iskema. Huwa żied jgħid li l-appoġġ finanzjarju offrut permezz ta' din l-inizjattiva jkompli jagħti s-saħħa lill-NGOs u l-għaqdiet volontarji biex jiżviluppaw u jinvestu f'soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunitajiet.
Għal din is-sena ġew allokati €300,000 f'fondi, żieda ta' €150,000 meta mqabbel ma' meta tnediet l-iskema fl-2023. L-iskema hija amministrata mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u tappoġġja sa 80% tal-ispiża totali ta' kull proġett, sa massimu ta' €8,000 għal kull proġett. Biex ikunu eliġibbli, l-organizzazzjonijiet għandhom jippreżentaw proposti għal proġetti innovattivi fil-komunità, fejn dawk li jinkludu approċċ relatat max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) jingħataw prijorità.
L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu evalwati minn bord ta' valutazzjoni skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati. L-istruzzjonijiet u l-linji gwida dwar kif wieħed japplika jinsabu hawn: Applikazzjoni għall-Iskema tal-Komunità u l-Innovazzjoni. L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi online fuq dan il-link sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju 2025, f'nofsinhar.