Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fakkar il-Jum Internazzjonali tal-Familja, ġurnata li matulha tfakkar u tkabbar il-ħidma lejn kull forma ta' familja f'pajjiżna.
Propju f'din il-ġurnata, il-Ministru Michael Falzon żar il-Cottonera Community Services, immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS).
Hawnhekk il-Ministru Michael Falzon elenka sensiela ta' miżuri mmirati lejn il-familja, u li kienu mħaddma fl-aħħar snin. Ewlenija fosthom semma ċ-childcare b'xejn, żidiet fiċ-Children's Allowance, iċ-Child Bonus u miżuri oħra li komplew iħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies.
''Bħala Gvern irridu naraw li d-drittijiet u l-miżuri soċjali mmirati lejn il-familji tagħna jkomplu jissaħħu, dan filwaqt li nkomplu noffru servizzi professjonali ta' sapport fil-komunità bla ħlas," saħaq il-Ministru Michael Falzon.
F'din iż-żjara kien spjegat kif l-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS) taħdem mal-familji, individwi, u komunitajiet biex tilħaq l-għanijiet soċjali u terapewtiċi tagħhom.
Dawn it-timijiet jitmexxew minn ħaddiema u mentors soċjali, li jkunu kapaċi jittrasformaw l-abbiltajiet ta' individwi u familji f'bidla sinifikanti lejn kwalità ta' ħajja sostenibbli. Ix-xogħol tagħhom jinkludi t-tisħiħ tad-dinamika tal-familja, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-individwi li jaċċessaw l-impjieg, il-kontribut għall-istabbiltà tad-dar, u t-titjib tal-litteriżmu finanzjarju.
Ma' dawn jingħaqdu wkoll servizzi terapewtiċi bbażati mid-djar tal-klijenti li jfittxu għajnuna. L-għan ewlieni ta' dan is-servizz huwa l-appoġġ tal-familji, b'mod partikolari fejn ikunu preżenti minorenni, li qed jiffaċċjaw diversi livelli ta' sfidi. Bis-saħħa ta' din id-direzzjoni ħafna familji jirnexxilhom joħorġu minn dawn l-isfidi u gradwalment jerġgħu jibnu ħajjithom.