gov.mt

pr250818

PR250818

15/05/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Imniedi kors tal-ewwel għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali fil-komunità

Ġiet imnedija inizjattiva għall-ħarsien tas-saħħa mentali fil-komunità bit-tema “Ninvestu fis-Saħħa Mentali ta' Xulxin". Din l-inizjattiva ġiet imnedija mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

 

Matul it-tnedija ġie spjegat kif permezz ta' kollaborazzjoni bejn il-Gvern u Richmond Foundation, ser jibdew jingħataw korsijiet bla ħlas tal-ewwel għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna. Intqal kif f'Malta, persuna minn madwar kull erbgħa ssofri minn xi kundizzjoni ta' saħħa mentali f'xi punt f'ħajjitha.

 

Ġie spjegat kif l-istigma għadha ostaklu kbir biex nirrispondu b'mod effettiv għall-kwistjonijiet tas-saħħa mentali. Filwaqt li n-nies ħafna drabi jkunu lesti jfittxu għajnuna għall-problemi fiżiċi, l-isfidi mentali ħafna drabi jiġu perċepiti b'mod differenti. Minħabba l-istigma, ħafna individwi jsofru fis-skiet u jibżgħu jfittxu l-għajnuna għax jibżgħu jiġu ġġudikati.

 

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif bħala Gvern impenjati li jibdlu din in-narrattiva, għax jemmnu bis-sħiħ li s-saħħa mentali hija importanti daqs is-saħħa fiżika. Saħaq kif huwa essenzjali li joħolqu ambjent fejn it-tfittxija għall-għajnuna titqies bħala sinjal ta' saħħa u mhux ta' dgħufija. Kompla li bħala parti mill-inizjattivi għas-saħħa mentali mħabbra fil-Budget 2025, illum qed jiġu mnedija korsijiet bla ħlas fl-għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali.

 

Il-Ministru Abela spjega li bħal kif jiġri fil-korsijiet ta' first aid tradizzjonali, din l-inizjattiva hija mfassla biex tipprovdi appoġġ inizjali lil xi ħadd li għaddej minn sfidi ta' saħħa mentali. Qal li dawn il-korsijiet mhumiex maħsuba bħala terapija jew grupp ta' appoġġ, iżda bħala programm edukattiv.

 

“Din l-inizjattiva tappoġġja l-viżjoni usa' tagħna biex nippromwovu l-benesseri mentali, inqajmu kuxjenza u nibnu reżiljenza fost il-popolazzjoni. Illum huwa aktar minn sempliċi tnedija ta' programm. Dan huwa pass sinifikanti 'l quddiem biex nagħtu s-setgħa lill-komunitajiet tagħna biex jieħdu ħsieb mhux biss tagħhom infushom, imma wkoll lil xulxin," temm jgħid il-Ministru Abela.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli stqarret li fl-ewwel fażi ta' din l-inizjattiva, il-Gvern se jkun qiegħed joffri korsijiet b'xejn għall-familji u ċ-ċittadini kollha rigward l-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali. Hija nnotat b'sodisfazzjoni li permezz ta' din l-inizjattiva l-kunsilli lokali se jieħdu rwol aktar ċentrali għal ħajja aktar sana fil-komunitajiet.​​