Il-Ministru għall-Wirt nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mad-Direttur Artistiku tal-MICAS, Edith Devaney ħabbru d-dettalji dwar it-tieni wirja li se tkun esibita fil-MICAS bl-isem 'The Space we Inhabit', li se tiftaħ għall-pubbliku nhar is-Sibt, 14 ta' Ġunju 2025.
Din il-wirja se tinkludi xogħol minn sitt artisti stabbiliti Maltin – Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli u se tinkludi pitturi, skultura u xogħol awdjoviżiv.
Il-Ministru Bonnici stqarr, “Din il-wirja timmarka pass sinifikanti għall-arti kontemporanja Maltija u permezz tagħha se niċċelebraw l-individwalità kreattiva ta' dawn is-sitt artisti. Arkitettonikament, il-MICAS, bil-kobor tal-ispazju li joffri, qed iżid dimensjoni ġdida ma' din il-wirja kollettiva. Kuntent nara l-impenn tal-MICAS li tiċċelebra l-arti Maltija fl-ogħla forma tagħha."
Id-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney sostniet li Malta ilha tospita xena tal-arti u l-kultura b'saħħitha għal għexieren ta' snin, u li s-sitt artisti Maltin li qed itellgħu din il-wirja stabbilixxew reputazzjonijiet estensivi fix-xena tal-arti.
Hija spjegat li t-tema tal-wirja hija dwar l-ispazju tagħna l-bnedmin – kemm reali kif ukoll dak immaġinattiv – u kull wieħed mis-sitt artisti se jwieġeb b'modi differenti dwar l-idea tal-ispazju. Il-wirja se tkun esibita fit-tliet sulari ewlenin tal-mużew, bix-xogħlijiet jesploraw il-kunċett u r-realtà tal-ispazju li kull wieħed minna jgħix fih.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet, “Dawn l-artisti Maltin ta' eċċellenza se jkunu rrappreżentati minn bosta xogħlijiet, li ħafna minnhom ġew prodotti u adattati speċifikament għal din il-wirja. Onorati li dawn l-artisti kontemporanji ewlenin qed jipparteċipaw f'din il-wirja, u nħeġġu lill-pubbliku Malti jgawdi dan l-ispazju nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jagħtu xhieda għall-aqwa arti kontemporanja Maltija li l-MICAS għandha x'toffri."