Fi żjara lill-istudenti tas-sitt sena ġewwa l-Kulleġġ St. Thomas Moore, Skola St. Joachim f'Marsaskala, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, ippreżentaw ktieb ġdid għat-tfal bl-isem ta' “L-Avventuri Urbanistiċi ta' Ġanni u Marija: Ġabra ta' Stejjer dwar il-Mobilità Sostenibbli".
Il-ktieb, miktub minn Dr Thérèse Bajada, huwa mmirat lejn tfal ta' bejn id-disa' u l-ħdax-il sena u jirrakkonta tliet stejjer qosra li jinkludu modi differenti ta' trasport sostenibbli bħal karozza tal-linja, ir-rota u l-mixi. Dawn l-istejjer joffru sitwazzjonijiet realistiċi li t-tfal jistgħu jidentifikaw magħhom, u jistimulawhom jaħsbu b'mod kreattiv dwar kif jistgħu jaraw lil Malta fil-futur f'termini ta' mobilità sostenibbli. Dan bil-għan li bl-edukazzjoni tat-tfal tal-lum, tkun iċ-ċavetta ta' futur anqas dipendenti fuq il-karozza b'bidla pożittiva fil-kultura tat-trasport tal-pajjiż.
Il-Ministru Chris Bonett qal, “Il-bidla fil-kultura ma sseħħx f'daqqa. Hija mixja li tibda bit-tfal tagħna. Dan il-ktieb huwa pass konkret fid-direzzjoni t-tajba. Billi nagħtu lit-tfal għodda edukattivi bħal dan il-ktieb, qed ngħinuhom jifhmu li t-trasport mhuwiex biss mezz biex naslu minn post għall-ieħor, iżda wkoll element kruċjali fil-kwalità tal-ħajja tagħna, fl-ambjent u fis-saħħa."
Huwa ħeġġeġ lit-tfal biex jidentifikaw ruħhom mal-istejjer u jiksbu għarfien dwar għażliet oħra għajr il-karozza. Kompla li dan jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ġenerazzjoni ġdida li ma tibqax tiddependi biss fuq it-trasport privat iżda li tifhem u tapprezza l-benefiċċji tat-trasport alternattiv. “Meta nippjanaw il-vjaġġi tagħna b'aktar għaqal, inkunu qed innaqqsu l-konġestjoni, intejbu l-ambjent u nagħmlu spazji aktar siguri u aċċessibbli għal kulħadd," temm jgħid il-Ministru Bonett.
Il-Ministru Clifton Grima saħaq li, “L-edukazzjoni għandha rwol ċentrali fit-tiswir ta' soċjetà li tħaddan il-valuri tas-sostenibbiltà. B'dan il-ktieb, mhux biss qed nipprovdu għodda ta' tagħlim, iżda qed inħeġġu wkoll it-tfal biex isiru ċittadini attivi u konxji mill-impatt li l-għażliet tagħhom jistgħu jkollhom fuq il-komunità u l-ambjent ta' madwarhom. Il-mobilità sostenibbli mhijiex biss suġġett ta' trasport, iżda mezz biex nibnu futur aktar nadif, sigur u inklussiv għal kulħadd."
Waqt iż-żjara, iż-żewġ Ministri mhux biss ippreżentaw il-ktieb lill-istudenti, iżda wkoll ħadu sehem f'diskussjonijiet attivi mat-tfal dwar il-mobilità sostenibbli. Huma enfasizzaw kemm huwa essenzjali li jitrawmu valuri ta' sostenibbiltà u għażliet ta' trasport alternattivi minn età żgħira.