gov.mt

pr250861

PR250861

21/05/2025

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU

Il-prosperità sostenibbli fl-UE u fl-Afrika jeħtieġ tmur lil hinn mit-tkabbir ekonomiku, sabiex tixpruna u toffri l-inklussività u l-opportunità lil kulħadd

Id-Deputat Prim Ministru Borg jindirizza l-Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana

Il-prosperità sostenibbli għall-Ewropa u l-Afrika m’għandhiex tfisser biss tkabbir ekonomiku, iżda għandha tirrifletti wkoll il-fiduċja, koperazzjoni, u żvilupp uman inklussiv li kapaċi jixpruna u jiftaħ l-opportunitajiet lil kulħadd.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg indirizza t-Tielet Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana (UE-UA), li saret fi Brussell nhar it-Tlieta.

Dr Borg sostna li s-sħubija UE-UA għandha tiffoka fuq “il-ħolqien ta’ għażliet veri, ibbażati fuq l-opportunità, u mhux fuq il-bżonn.” Malta tagħti sehem attiv lejn dan il-għan permezz ta’ inizjattivi edukattivi dwar ħiliet differenti, missjonijiet kummerċjali, inizjattivi li jsaħħu l-kapaċità u koperazzjoni vokazzjonali ma’ diversi msieħba Afrikani.

“Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu għal konnessjonijiet aktar b’saħħithom fost is-settur privat u jippermettu skambju ta’ għarfien b’mod prattiku. Jeħtieġ li dawn l-inizjattivi jkomplu jissaħħu permezz ta’ investimenti mmirati lejn il-litteriżmu diġitali, l-iżvilupp ta’ ħiliet, u l-istandardizzazzjoni. Irridu wkoll nirrikonoxxu l-opportunitajiet u l-isfidi tal-intelliġenza artifiċjali, hekk kif niżguraw li ż-żgħażagħ Afrikani jiksbu l-ħiliet diġitali meħtieġa għall-futur, bi kriterji mfassla mill-prijoritajiet Afrikani,” qal id-Deputat Prim Ministru Malti.

Hu enfasizza wkoll l-għoti tas-setgħa u l-ixprunar tan-nisa u ż-żgħażagħ bħala element essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli effettiv, għall-paċi u s-sigurtà, kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku fiż-żewġ kontinenti.

Dwar il-kummerċ UE-UA, Dr Borg sejjaħ għal inizjattivi prattiċi biex tkompli tiġi żviluppata l-konnettività bejn l-Afrika u l-Ewropa, fosthom permezz tal-iżvilupp ta’ kurituri reġjonali, billi jitħaffef l-investiment sostenibbli, b’rotot siguri bil-baħar u bl-ajru, u permezz ta’ koperazzjoni dwar aspetti marbutin mad-dwana. “Malta tappoġġja wkoll l-impenn biex il-Mediterran isir ċentru ta’ konnessjonijiet ta’ enerġija rinovabbli bejn l-Ewropa u l-Afrika, hekk kif kien maqbul riċentement mill-pajjiżi tal-MED 9, sabiex inkomplu nqarrbu l-kontinenti tagħna u nsaħħu s-sigurtà enerġetika tar-reġjun,” żied jgħid.

Waqt il-laqgħa fi Brussell, id-Deputat Prim Ministru Borg kellu wkoll taħditiet bilaterali mal-Ministru Aġent għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Libja, Taher Al-Baour; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Migrazzjoni u t-Tuneżini Barra l-Pajjiż tat-Tuneżija, Mohamed Ali Nafti; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ghana, Samuel Okudzeto Ablakwa; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tar-Rwanda, Olivier J.P. Nduhungirehe; il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Etjopja, Gedion Timothewos Hessebon; u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Gabon, Régis Onanga Ndiaye.


​​​​​