gov.mt

pr251071

PR251071

17/06/2025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL


Il-
Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, attenda l-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Interni fil-Lussemburgu. Il-laqgħa ffukat fuq is-sigurtà, ir-ritorn, kwistjonijiet relatati ma' Schengen, u s-sitwazzjoni attwali fil-Libja.

 

Hekk kif l-Unjoni Ewropea tiċċelebra l-40 anniversarju mit-twaqqif taż-Żona Schengen, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza tagħha bħala waħda mill-aktar kisbiet viżibbli tal-UE, li tiżgura l-moviment ħieles tal-persuni, l-oġġetti u s-servizzi. Il-Ministru nnota kif Malta tagħti importanza partikolari lir-reżiljenza tal-fruntieri esterni u r-ritorni tal-UE biex tiskoraġġixxi l-wasliet irregolari, iżżarma n-networks tal-kuntrabandu tal-bniedem u tnaqqas ir-riskju ta' telf ta' ħajjiet fuq il-baħar. 

 

Il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza tal-Frontex fl-appoġġ li tagħti lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Il-Ministru esprima wkoll l-importanza li jitwessa' l-mandat tal-Frontex biex l-Aġenzija tkun tista' twettaq ritorni direttament minn pajjiżi terzi.

 

Il-Ministru enfasizza l-importanza ta' sistema ta' ritorn effettiva u li tiffunzjona tajjeb bħala l-pedament ta' politika ta' migrazzjoni b'saħħitha. F'dan ir-rigward, huwa saħaq fuq is-suċċess ta' Malta f'dawn l-aħħar snin f'dak li huwa tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari lejn ix-xtut tagħna, permezz taż-żieda fl-investiment – fl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, it-twaqqif ta' unit ta' ritorni kif ukoll biż-żieda fil-komunikazzjoni ma' pajjiżi terzi ewlenin, kemm ta' tranżitu kif ukoll ta' oriġini. Dawn l-isforzi rriżultaw fi tnaqqis ta' 93% fin-numru ta' wasliet irregolari rreġistrati fl-2024 meta mqabbel ma' ħames snin qabel, filwaqt li r-rata ta' ritorn meta mqabbla ma' wasliet irregolari kienet ta' 83% fl-2023 u 68% fl-2024.

 

Il-Ministru enfasizza kif in-nuqqas ta' kooperazzjoni minn pajjiżi terzi tibqa' l-akbar kwistjoni fir-rigward tar-ritorn, u nnota kif l-UE għandha tagħmel użu aħjar mill-għodod għad-dispożizzjoni tagħha biex issaħħaħ il-kooperazzjoni minn pajjiżi terzi. F'dan ir-rigward, il-Ministru nnota kif il-miżuri tal-viża, il-kummerċ u l-iżvilupp kollha jistgħu joffru inċentivi pożittivi għall-kooperazzjoni.

 

Il-Ministru Camilleri qajjem tħassib dwar dak li ġara fil-Libja fl-aħħar jiem u l-impatt li dan jista' jkollu fuq is-sigurtà fil-Mediterran u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata soluzzjoni rapida għas-sitwazzjoni attwali fil-Libja, peress li l-instabbiltà fil-pajjiż tista tiffaċilita lit-traffikanti biex jisfruttaw is-sitwazzjoni biex iżidu t-tluq irregolari lejn l-UE. F'dan ir-rigward, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jappoġġja lill-poplu Libjan u lill-awtoritajiet kompetenti Libjani biex jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà.

 

Fil-marġini tal-Kunsill, il-Ministru Camilleri kellu wkoll laqgħa bilaterali ma' Michael McGrath, il-Kummissarju għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Ħarsien tal-Konsumatur.

 

Ritratti: MHSE