pr151706

22/07/2015

INSAĦĦU L-KOMPETENZI BIEX NOFFRU SERVIZZ EFFIĊJENTI LILL-PUBBLIKU PERMEZZ TAL- EGOVERNMENT

​Il-proġett iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), Servizzi Pubbliċi Onlajn, wasal fi tmiemu b’seminar immirat lejn iċ-ċittadini, l-uffiċjali pubbliċi u n-negozji. Waqt is-seminar indirizzat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u l-Iżvilupp Ekonomiku José Herrera u ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana, kienu ppreżentati r-riżultati u l-linji gwida biex jiggwidaw lill-Gvern fl-iżvilupp ta’ servizzi tal-eGovernment fil-futur biex b’hekk is-servizzi onlajn ikunu aktar effiċjenti u konvenjenti.
 
Ir-riżultati tar-riċerka dwar l-opinjoni tal-pubbliku rigward l-użu tas-servizzi pubbliċi onlajn, juru li l-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew (56%) jagħmlu użu tas-servizzi tradizzjonali tal-Gvern filwaqt li 28% jagħmlu użu esklussiv tas-servizzi elettroniċi tal-Gvern. 81% tal-pubbliku hu interessat li jitgħallem aktar dwar is-servizzi pubbliċi offruti onlajn u 63% fil-fatt jaħsbu li għandu jkun hemm aktar kampanji ta’ għarfien.
 
Ir-riċerka wriet ukoll li l-maġġoranza (88%) jixtiequ jaraw servizzi tal-Gvern offruti mill-komunità tagħhom. Barra minn hekk, il-maġġoranza (92%) qablu li jixtiequ li jkollhom l-abbiltà li jiksbu l-assistenza permezz tat-telefon jew permezz ta’ chat onlajn waqt li jkunu qed jużaw is-servizzi elettroniċi. 63% tal-pubbliku qalu li għandhom eID u 39% jużawha biss għall-aċċess tas-servizzi elettroniċi. Huwa inkoraġġanti li 79% qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern fit-transazzjonijiet tagħhom.
 
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li fl-istess ħin li jissaħħaħ l-użu tas-servizzi pubbliċi onlajn, l-amministrazzjoni qed taħdem biex tressaq is-servizz eqreb lejn iċ-ċittadin. Fil-fatt, it-tnedija tal-one-stop-shops reġjonali fix-xhur li ġejjin, b’kollaborazzjoni mas-settur privat, ser ittejjeb aktar is-servizzi tal-Gvern speċjalment fost iċ-ċittadini li ma jafux jużaw kompjuter jew li jippreferu jikkomunikaw wiċċ imb wiċċ.
 
Min-naħa l-oħra, is-servizzi pubbliċi onlajn jeħtieġu li jsiru aktar aċċessibbli, qal is-Sur Cutajar. Huwa ddikjara li jkun għalxejn li jsiru kampanji edukattivi jekk is-servizzi onlajn għadhom diffiċli biex taċċessahom. Qal li s-sena d-dieħla se jsir konsolidament tal-miżuri kollha li ttieħdu bil-għan li jkun assigurat li s-servizz ikun wieħed ta’ kwalità.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku José Herrera qal li “meta jiġi żviluppat servizz ġdid, importanti naħsbu f’min se jużah. Għandna bżonn niżviluppaw servizz li huwa sempliċi biżżejjed biex iċ-ċittadini u n-negozji jippreferu jużaw is-servizz onlajn minflok fil-forma tradizzjonali”.
 
Is-Segretarju Parlamentari Herrera żied jgħid li l-uffiċjali pubbliċi għandhom jingħataw it-taħriġ meħtieġ dwar l-użu tas-servizzi tal-eGovernment u hemm bżonn ikunu jafu dwar servizzi onlajn ġodda. “Irridu li dawn in-nies japprezzaw il-benefiċċji li t-teknoloġija tista’ ġġib għax-xogħol tagħhom biex b’hekk iressqu liċ-ċittadini lejn is-servizzi onlajn.”
 
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-MITA, is-Sur Tony Sultana, qal li “jeħtieġ li jkun adottat sett ta’ prinċipji biex jiggwidaw aħjar l-iżvilupp u l-forniment ta' dawn is-servizzi elettroniċi. Dawn il-prinċipji ser jinstigaw kultura sabiex jiddiskriminaw b’mod pożittiv l-użu tas-servizzi onlajn fuq dawk tradizzjonali u biex dawk li jużaw dawn is-servizzi jkunu involuti fl-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi onlajn ġodda. Id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi onlajn se timxi wkoll lejn servizzi miġbura u konnessi madwar avvenimenti tal-ħajja sabiex ikunu aktar konvenjenti u aċċessibbli u jtejbu l-ammont ta’ nies li jużawhom”.
 
Dan il-proġett kien l-ewwel tat-tip tiegħu f'Malta, fejn għaqqad f’sinerġija r-riżorsi u l-ministeri biex jiżdied l-użu tas-servizzi elettroniċi tal-Gvern. Ir-reazzjoni dwar il-kampanja ta’ għarfien, immexxija mill-MITA u l-imsieħba tagħha permezz tal-midja nazzjonali, tindika li għandu jkun hemm sforz kontinwu f'dan ir-rigward. MITA se tkun qed tipprovdi lill-Gvern b'rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fil-futur biex ikomplu jappoġġjaw l-użu tas-servizzi onlajn.