Skip Ribbon Commands
Skip to main content

gov.mt

pr202341

PR202341

20/11/2020

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAĊ-ĊITTADINANZA U L-KOMUNITAJIET: Mil-lum daħlet fis-seħħ ir-regolamentazzjoni ġdida ta’ residenza li tista’ twasslek għal ċittadinanza

Titwaqqaf aġenzija ġdida bl-isem ta’ Komunità Malta li se tieħu ħsieb materji relatati maċ-ċittadinanza f’pajjiżna

Malta se tkun qed timplimenta regolamenti ta’ residenza ġodda li jistgħu jwasslu għaċ-ċittadinanza u li jqisu r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea, hekk kif mil-lum daħlu fis-seħħ dawn ir-regoli. L-Aġenzija li operat l-IIP minn Awwissu li għadda kienet waqfet tirċievi applikazzjonijiet ġodda. L-Aġenzija Maltija tal-Programm ta’ Investitur Individwali issa ngħalqet. Għaldaqstant, twaqqfet ukoll l-aġenzija l-ġdida bl-isem ta’ Komunità Malta li se tamministra materji relatati maċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna u li se tieħu post l-aġenzija preċedenti.

“Permezz tal-programm, il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali investa f’akkomodazzjoni soċjali, tagħmir tal-kura tas-saħħa u titjib fiċ-ċentri tas-saħħa. Il-programm wiżen ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna waqt din il-pandemija, fejn salva kemm il-ħajjiet kif ukoll l-impjiegi tal-Maltin u tal-Għawdxin,” qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

“Għalhekk rajna li inizjattiva bħal din ma tiqafx, imma tissaħħaħ u tkompli tħalli l-frott u l-ġid mixtieq fl-iżvilupp tal-komunitajiet f’pajjiżna,” kompla jgħid is-segretarju parlamentari.

Is-Sur Muscat saħaq ukoll li pajjiżna mhuwiex lest iċedi d-dritt sagrosant li d-diskrezzjoni għall-għoti taċ-ċittadinanza tkun deċiżjoni ta’ pajjiżna. Saħaq ukoll li dawn ir-regoli l-ġodda taw lok għal tibdil drastiku minn kif kien jiġi operat il-programm preċedenti.

Il-gvern se jkompli jippubblika l-ismijiet tal-applikanti kollha li jirċievu ċ-ċittadinanza Maltija kemm b’mertu eċċezzjonali kif ukoll b’naturalizzazzjoni. Se jiġu ppubblikati wkoll ismijiet ta’ persuni li mhux se jingħataw in-nazzjonalità Maltija.

Il-gvern itenni għal darb’oħra li ċ-ċittadinanza hija kompetenza tal-istati membri individwalment, fejn kull pajjiż Ewropew jiddeċiedi waħdu min huma l-individwi li jemmen li għandhom jirċievu ċ-ċittadinanza. Hemm aktar minn 600,000 individwu li jsiru ċittadini Ewropej kull sena bi skrutinju minimu ħafna. Kif jidher mill-impenn riċenti bla preċedent ta’ Malta biex tirriforma l-liġijiet u tkompli tħares il-valuri Ewropej, Malta qed timplimenta regolamenti li jmorru lil hinn minn dak li jagħmlu ħafna stati membri Ewropej oħra biex jiskrutinizzaw l-applikanti għaċ-ċittadinanza.

Hekk kif intemm il-Programm ta’ Investiment Individwali, nistgħu nħarsu lura u nosservaw kif l-investiment iġġenerat ta spinta kbira lill-ekonomija Maltija. F’sitt snin, l-investiment akkumulat laħaq madwar €1.5 biljun.

L-Aġenzija li qabel kienet inkarigata mill-Programm ta’ Investiment Individwali se tispiċċa u ma tibqax topera minn Jannar 2021. Inħolqot aġenzija ġdida biex tamministra l-mezzi legali kollha li jwasslu għall-kisba taċ-ċittadinanza Maltija. Dawn jinkludu; ċittadinanza b’dixxendenza, ċittadinanza permezz ta’ mertu, ċittadinanza permezz ta’ naturalizzazzjoni permezz ta’ residenza fit-tul u permezz ta’ servizz eċċezzjonali bil-mertu u servizz eċċezzjonali b’investiment f’Malta. L-aġenzija l-ġdida għandha s-setgħa li tipprovdi informazzjoni lill-Kummissarju għat-Taxxi Interni, l-FIAU, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji u l-Kummissarju tal-Pulizija.

L-Aġenzija għandha s-setgħa wkoll li tiżvela informazzjoni lill-awtoritajiet lokali jew barranin ta’ infurzar jew regolatorji jew aġenziji tal-pulizija.

Il-qafas legali l-ġdid, li ġie introdott f’Novembru, jikkunsidra s-sett ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea.

L-applikanti ma jistgħux japplikaw għaċ-ċittadinanza immedjatament wara li jiksbu l-istatus ta’ residenti legali f’Malta. 

L-applikanti jitħallew japplikaw biss għaċ-ċittadinanza wara li jkollhom status ta’ residenti legali għall-perjodu ta’ tliet snin, bl-eċċezzjoni ta’ investiment ogħla, fejn jistgħu japplikaw wara sena.

L-applikanti huma obbligati li jgħaddu minn eżerċizzju ta’ due diligence rigoruż qabel ma jkunu eliġibbli biex japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija. Dan huwa pass ġdid li qed jiġi introdott biex l-Aġenzija tingħata biżżejjed żmien biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar sett ta’ kriterji. Dawn jinkludu kontrolli fuq is-sors ta’ ġid, kontroll fuq il-fondi tal-individwu, studji fuq riskji relatati ma’ ħasil tal-flus u kontrolli fuq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà. 

Sejbiet ta’ irregolaritajiet jistgħu jiġu kkomunikati ma’ networks xierqa, bħal Egmont u servizzi ta’ sigurtà għal koperazzjoni mal-UE kollha, sabiex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus u r-riskji kollha relatati mas-sigurtà.

L-Aġenzija se twettaq eżerċizzju xieraq ta’ assessjar tar-riskju relatat ma’ kull applikazzjoni.

L-Aġenzija se tiżgura li s-sors tal-fondi tal-applikant huwa leġittimu. Se tagħti l-attenzjoni dovuta biex tiżgura ruħha li ma jkunx hemm ħasil tal-flus, u li ma jkunx hemm finanzjament ta’ terroriżmu. Dan dejjem skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

Ir-regolamenti l-ġodda eliminaw il-perjodu ta’ ħin li jillimitaw iż-żmien li matulu l-Aġenzija għandha twettaq due diligence.

Din id-due diligence għandha ssir fuq il-membri adulti tal-familja kollha fl-applikazzjoni.
In-numru ta’ applikanti li jirnexxu qed ikun limitat għal 1,500 b’kollox, b’mhux aktar minn 400 fis-sena
L-aġenti issa huma rregolati minn leġiżlazzjoni sussidjarja ddedikata. Huwa biss sett limitat ta’ professjonisti li jistgħu jkunu liċenzjati bħala aġenti, dawn huma: avukati, awdituri, accountants pubbliċi u konsulenti finanzjarji liċenzjati. Dan jiżgura li d-detenturi tal-liċenzja jkunu familjari sewwa mal-ħasil tal-flus, il-legaliżmi finanzjarji u d-direttivi kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-aġenti għandhom jippreżentaw ċertifikat ta’ kondotta kriminali nadifa. L-aġent għandu jkun soġġett għad-due diligence mill-Aġenzija, kemm fuq applikazzjoni kif ukoll kull sena wara. Jekk aġent ma jkunx għadu adattat wara l-perjodu stabbilit, il-liċenzja ma tiġġeddidx awtomatikament.

L-Aġenzija qed tipprojbixxi reklamar aggressiv u l-promozzjoni tar-regolamenti li jwasslu għaċ-ċittadinanza. Kwalunkwe attività bħal din tista’ twassal għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja tal-aġent. L-aġenti huma obbligati li jekk matul l-ewwel ħames snin minn meta l-klijenti tagħhom jsiru ċittadini Maltin, l-aġent isir konxju ta’ kwalunkwe ksur ta’ regolamenti, frodi jew informazzjoni qarrieqa jew mhux eżatta pprovduta lill-Aġenzija, l-aġent għandu jinforma immedjatament lill-Aġenzija. Ir-regolamenti l-ġodda jagħtu aktar setgħat lill-Aġenzija biex tissospendi jew tirrevoka liċenzji jekk l-aġenti jinstabu li jiksru r-regolamenti jew l-obbligi tagħhom.

L-ismijiet tal-individwi kollha li jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija se jkomplu jiġu ppubblikati biex tiġi żgurata t-trasparenza. L-Aġenzija se tissaħħaħ aktar b’obbligu ġdid li twettaq monitoraġġ kontinwu tal-applikanti għall-ewwel ħames snin wara li jiksbu ċ-ċittadinanza.
Il-klawsola li ppermettiet lill-ministru jagħti ċittadinanza lil individwi li ma ssodisfawx il-kriterji legali bażiċi se titneħħa. Għalkemm din id-diskrezzjoni qatt ma ntużat fil-każ tal-IIP, kienet il-kawża ta’ ħafna kritika, u għalhekk it-tneħħija tagħha hija meqjusa bħala governanza aħjar u favur it-trasparenza. Ir-regolatur indipendenti ser ikompli jiskrutinizza x-xogħol kollu li sar u l-proċessi tal-Aġenzija u jiżgura sorveljanza xierqa filwaqt li l-proċess tal-applikazzjoni se jkollu traċċa tal-awditjar sħiħa li se tiġi skrutinizzata mir-regolatur indipendenti.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kummissjoni Ewropea ħadet pożizzjoni kontra r-regolamenti preċedenti. Minkejja dan, il-gvern itenni għal darb’oħra li ċ-ċittadinanza hija kompetenza tal-istati membri individwalment, fejn kull pajjiż Ewropew jiddeċiedi waħdu min huma l-individwi li jemmen li għandhom jirċievu ċ-ċittadinanza. Hemm aktar minn 600,000 individwu li jsiru ċittadini Ewropej kull sena bi skrutinju minimu ħafna. Kif jidher mill-impenn riċenti bla preċedent ta’ Malta sabiex tirriforma l-liġijiet u tkompli tħares il-valuri Ewropej, Malta qed timplimenta regolamenti li jmorru lil hinn minn dak li jagħmlu ħafna stati membri Ewropej oħra biex jiskrutinizzaw l-applikanti għaċ-ċittadinanza.

Iż-żmien li l-gvern għandu biex iwieġeb formalment lill-Kummissjoni Ewropea huwa ta’ 8 ġimgħat. Din ir-risposta f’forma ta’ ittra ta’ notifika formali se tiġi sottomessa fiż-żmien li ġej. Hekk kif diġà ġie mtenni, hija l-intenzjoni tal-gvern li juża l-miżuri legali kollha possibbli biex jiddefendi l-interess nazzjonali u s-sovranità.