XOGĦOL TA' RESTAWR U RIABILTAZZJONI FIL-BARRAKKA T'ISFEL

Reference Number: PR1335, Press Release Issue Date: Sep 14, 2001
 
​Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-amministrazzjoni preżenti wegħdet li "l-Belt Valletta terġa' tikseb id-dinjità li tixirqilha bħala ċentru storiku, politiku u residenzjali tal-pajjiż".

Il-Ministru għall-Ambjent qal dan waqt li kien qed izur xoghlijiet li qed isiru fil-gnien ta-Barrakka t'Isfel fil-Belt Valletta. Huwa kompla jghid li dan il-Gvern ħa diversi miżuri biex jagħti ħajja ġdida lill-belt kapitali ta' pajjiżna. Qal li tneħħew slums u flokhom inbnew blokki ta' appartamenti residenzjali filwaqt li twettqet ħidma kbira ta' restawr u riabilitazzjoni. Qal li bini fejn hemm ministeri u dipartimenti tal-Gvern kien riabilitat u restawrat biex joffri l-kumditajiet li għadhom jaħdmu fihom il-ħaddiema llum.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien dan il-Gvern li waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta bl-iskop li jsir xogħol ta' restawr fuq id-diversi knejjes, palazzi u fortifikazzjonijiet fil-kapitali. Il-Ministru għall-Ambjent qal li kemm ilu li twaqqaf, dan il-Proġett investa aktar minn Lm4 miljun f'xogħol ta' restawr fil-Belt. Qal li minbarra dan l-investiment bejn l-1988 u l-1992 intefqu qrib it-Lm3 miljun f'xogħol ta' rikostruzzjoni u restawr fil-Mediteranean Conference Centre. Intefqu wkoll Lm4 miljun ghar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Kavallier ta' San Gakbu li nbidel f'Ċentru ta' Kreattività.

Francis Zammit Dimech qal li tliet proġetti importanti ta' restawr li qed jitwettqu bħalissa, u li bejniethom jinvolvu investiment ta' aktar minn miljun lira, huma r-restawr tal-Berġa ta' l-Italia fejn diġà ntefqu Lm750,000, il-Berġa tal-Baviera u l-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia.

Qal li x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata tal-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia tlesta filwaqt li x-xogħol ta' ġewwa fil-Berġa ta' l-Italia wasal biex jitlesta wkoll. Francis Zammit Dimech qal li ħidma kontinwa ta' restawr qed issir fil-Konkatidral ta' San Ġwann li hu ġawhra unika fil-wirt storiku ta' pajjiżna.

Il-Ministru għall-Ambjent fakkar li tnejn mill-proġetti kapitali li l-Gvern wiegħed li għandhom jitwettqu huma dawk tad-Daħla tal-belt Valletta u l-cruise passenger terminal. Qal li darba dawn iż-żewġ proġetti jitwettqu l-kapitali ta' pajjiżna tingħata dehra ġdida. Qal li xogħol fuq il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal mistenni jibda qabel l-aħħar tas-sena u se jinvolvi ħidma kbira ta' restawr fl-Imħażen ta' Pinto u Forni u fuq dik li kienet l-ewwel Power Station ta' pajjiżna. Il-proposti għall-iżvilupp, bini u operazzjoni għall-proġett tad-Dħul tal-Belt Valletta kienu qed ikunu aġġudikati u x-xogħol fuq dan il-proġett kien mistenni li jibda s-sena d-dieħla.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li meta l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann bniet il-belt Valletta ħadet ħsieb li jkun hemm wesgħat u ġonna biex l-abitanti tal-belt Valletta ikollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom. Qal li fost dawn il-ġonna l-Kavallieri bnew il-ġonna tal-Barrakka ta' Fuq u tal-Barrakka t'Isfel. Francis Zammit Dimech qal li tul is-snin dawn il-ġonna saritilhom ħafna ħsara mill-elementi. Hu qal li hi parti mill-istrateġija tal-proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta li jtejjeb il-ġonna tal-Belt. Qal li wara li xi snin ilu kienu restawrati l-arkati tal-ġnien tal-Barrakka t'Isfel għaliex kienu fi stat perikoluż ħafna dan l-aħħar tkompla x-xogħol fuq dan il-ġnien li jinkludi r-railing tal-ħadid u sistema temporanja ta' dawl elettriku.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bħalissa qed isir restawr tal-monument lil Alexander Ball. Hu qal li x-xogħol qed isir mill-Progett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta b'kollaborazzjoni ma' l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Hu qal li x-xogħol ta' restawr kien fdat f'idejn l-istess ditta Taljana li għamlet ix-xogħol ta' restawr tal-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia u ħaddiema Maltin mill-Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent. Il-Ministru rringrazzja lil perit Chanelle Muscat li qed tmexxi dan il-proġett ta' restawr u li ddisinjat il-paviment il-ġdid tal-ġnien. Francis Zammit Dimech qal li sadattant qed jissokta x-xogħol ta' preparazzjoni għal titjib fil-Barrakka t'Isfel li jinkludi pavimentar ġdid, sistema ta' dawl elettriku u għamara ġdida. Hu qal li din il-parti tal-proġett mistenni li tibda u titlesta s-sena d-dieħla.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura li dawn il-ġonna fil-Belt Valletta jinżammu fi stat tajjeb ħalli jitgawdew mir-residenti tal-belt kif kien l-iskop oriġinali li għalih inbnew, mill-Maltin li jidhlu l-belt u mit-turisti li jżuruna.

Il-monument ta' Alexander Ball

Il-monument ta' Alexander Ball hu xogħol il-perit Malti Giorgio Pullicino li għex bejn l-1780 u l-1852. Hu bbaża d-disinn tiegħu fuq it-tempju ta' Theseus f'Ateni, l-Greċja. L-iskultura tal-monument kienet f'idejn l-artist Malti Vincenzo Dimech (1768-1831). Din turi l-gwerra, il-prudenza, il-ġustizzja u l-immoralità. Il-monument inbena bil-ġbir li sar min-nies​