INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA - SALA TAL-GRAN KUNSILL, IL-PALAZZ, VALLETTA - IT-TLIETA, 13 TA’ DIĊEMBRU 2011

Reference Number: pr2433, Press Release Issue Date: Dec 13, 2011
 
Il-Poplu Malti llum qed jiċċelebra Jum ir-Repubblika.  Għalija, dan huwa t-tielet diskors f’din l-okkażjoni u bħal ma sar fl-imgħoddi jiena nfisser ir-riflessjonijiet tiegħi dwar is-sinifikat ta’ dan il-jum.  Nixtieq l-ewwel nett insellem lill-Presidenti Emeriti li servew qabli bħala Kapijiet tal-Istat Malti u nonora l-memorja ta’ dawk fosthom li għaddew għal ħajja oħra.  Kull wieħed minnhom, bil-mod tiegħu, ħalla impronta personali u ta sehmu fis-servizz lejn l-Istat u lejn in-Nazzjon.
 
Issa ilna 47 sena indipendenti u 37 sena repubblika.  Il-Kostituzzjoni tagħna tistabbilixxi l-parametri li fuqhom huwa mwaqqaf l-Istat Malti u, kif nifhimha jien, hija għandha fiċ-ċentru tagħha l-bniedem.  Ngħid hekk, għaliex kapitlu importanti tagħha, Kapitlu 4, jirrikonoxxi u jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem mingħajr ebda distinzjoni ta’ razza, post ta’ oriġini, fehmiet politiċi, kulur, twemmin jew sess.  Dawn id-drittijiet huma naxxenti mill-fatt li huma naturali fejn is-suġġett tagħhom huwa l-bniedem u din hi r-raġuni li l-Kostituzzjoni ma tagħtix dawn id-drittijiet imma tirrikonoxxihom u tiggarantihom.  Il-kultura, it-twemmin u t-tradizzjoni tagħna jpoġġu l-bniedem fiċ-ċentru u dan huwa rifless fil-Kostituzzjoni.  Il-Kostituzzjoni, għalhekk, trid tkun dejjem għas-servizz tal-bniedem u tal-poplu u trid tibqa’ dejjem tħares id-demokrazija.
 
Il-kostituzzjoni servietna tajjeb għal kważi nofs seklu imma dan ma jfissirx li ma jkunx meħtieġ li, minn żmien għal żmien, isir fiha xi tibdil li jkompli jkabbar ir-relevanza tagħha fil-ħajja tan-Nazzjon u jsaħħaħ aktar id-demokrazija.  Id-demokrazija tikkomporta li jkun hemm espressjoni libera ta’ fehmiet differenti u djalogu kontinwu bejn dawk li jħaddnu fehmiet li ma jaqblux ma’ xulxin.  Id-dibattitu jirrinforza d-demokrazija u jgħinha tirrispondi għal ċirkostanzi ġodda li jiżviluppaw matul iż-żmien għax fil-ħajja xejn mhu statiku.  Id-demokrazija hija kisba tan-nazzjon u trid tiġi mħarsa f’kull ħin.
 
Il-President jirrappreżenta l-unità nazzjonali u huwa l-kustodju tal-kostituzzjoni.  Filwaqt li jrid iżomm pożizzjoni lil hinn mill-politika partiġjana, jiena nħoss li għandu d-dover li jressaq għad-dibattitu pubbliku materji li jistgħu jkunu fl-interess ta’ kulħadd.  Huwa b’dan il-ħsieb li qiegħed nipproponi li fl-ewwel nofs tas-sena li ġejja jkun hemm forum pubbliku biex jiddiskuti x’riformi kostituzzjonali huma meħtieġa u relevanti għal żminijietna.  Jiena nixtieq li dan isir b’mod matur u bil-parteċipazzjoni tal-pubbliku biex id-diskussjoni tkun mifruxa fost il-faxex kollha tas-soċjetà.
 
Il-Kostituzzjoni, bħala l-liġi suprema tal-pajjiż, hija ħaġa ħajja u, bħal kull ħaġa organika, tevolvi skont l-ambjent li fih teżisti.  L-ewwel tibdil fil-kostituzzjoni tal-1964 sar wara għaxar snin mill-Indipendenza, jiġifieri fl-1974.  Mhux possibbli hawnhekk li wieħed jidħol fid-dettall kif sar dan it-tibdil.  Biżżejjed wieħed jgħid li l-emendi kostituzzjonali li kienu jeħtieġu maġġoranza kwalifikata seħħu biss għax iż-żewġ partiti rappreżentati fil-parlament dak iż-żmien kienu daħlu f’negozjati bejniethom li wasslu għal ftehim li jsiru dawk l-emendi.  Effettivament, il-mudell ta’ negozjati bejn iż-żewġ partiti bil-għan li jaslu fi qbil dwar emendi kostituzzjonali, li mbagħad ikunu ġew approvati minn maġġoranza kwalifikata tal-Kamra tad-Deputati, jista’ jagħti lok għall-ipoteżi li dan welled prattika jew konvenzjoni kostituzzjonali mhux miktuba fis-sistema demokratika Maltija u li ġiet segwita wkoll fl-emendi kostituzzjonali li saru fl-1987.
 
Jista’ jkun hemm min jargumenta li l-fatt li l-emendi kostituzzjonali tal-1974 ma sarux bl-approvazzjoni popolari espressa f’referendum, imma sempliċement permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ partiti, seta’ kien iż-żerriegħa tas-sistema bi-partitiku li għandna llum.
 
Biex niġu għaż-żmien attwali, jidher li qed joktor il-kunsens, partikularment fost iż-żewġ kampijiet politiċi prinċipali, li riformi kostituzzjonali ġodda saru neċessità.  Dan hu tajjeb għax riformi bħal dawn ma jistgħux isiru mingħajr qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati għalkemm wieħed ma jridx jinsa forzi politiċi oħrajn u s-soċjetà ċivili li trid tagħti sehemha wkoll f’dan id-dibattitu.  Jidher li ż-żewġ partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament meddew l-ewwel passi tagħhom lejn dan il-proċess ta’ riformi għalkemm naħseb li jridu joqogħdu attenti biex ma jitilqux fuq żewġ linji paralleli li, kif nafu, ma jistgħux iwasslu għal destinazzjoni konverġenti.  Filwaqt li nifraħ li l-partiti politiċi ħadu jew se jieħdu dawn l-inizjattivi, jidhirli li jekk irridu naslu għal diskussjoni li twassal għar-riformi mixtieqa jeħtieġ li nikkunsidraw x’possibbiltajiet jeżistu.
 
Possibbiltà waħda hija dik li jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Kumitat Magħżul tal-Kamra tad-Deputati li permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kamra twaqqaf bil-mandat li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parlament dwar materji li jirrigwardaw, fost oħrajn, it-tisħiħ tal-Parlament u t-tisħiħ tal-Kostituzzjoni.  F’din is-sede, iż-żewġ partiti jkollhom l-opportunità jiddiskutu, mhux biss bejniethom, u jekk hemm bżonn jinnegozjaw u possibilment jaslu fi ftehim.
 
Possibbiltà oħra hi bħalma kien ġara fiż-żmien li kienu qed jiġu negozjati l-emendi kostituzzjonali tal-1974 meta Sir Anthony Mamo kien wera li kien dispost ilaqqa’ delegazzjonijiet miż-żewġ partiti biex jitkellmu dwar it-tibdil propost fil-Kostituzzjoni u ż-żewġ partiti kienu aċċettaw.
 
Nista’ nsemmi wkoll il-possibbiltà li, kif kien seħħ qabel ma ġew promulgati l-kostituzzjonijiet tas-self-government tal-1921 u tal-1947, tiġi ffurmata assemblea kostitwenti magħmula minn rappreżentanti tal-partiti politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u kull min hu interessat u jista’ jikkontribwixxi, sabiex tiġi redatta kostituzzjoni ġdida li mbagħad titpoġġa quddiem il-parlament
 
Jiena ninsab dejjem dispost li nagħmel il-parti tiegħi, jekk niġi mitlub, bl-għan waħdieni li wara li ssir diskussjoni wiesgħa ma’ kull min hu interessat, insaħħu d-demokrazija f’pajjiżna għall-ġid tal-Poplu tagħna.
 
Jum ir-Repubblika huwa wkoll okkażjoni li fiha wieħed jirrifletti dwar pajjiżna u r-rwol tiegħu fil-komunità internazzjonali.  F’dawn l-aħħar xhur ġietna l-opportunità li nuru li f’affarijiet vitali aħna konna kapaċi naġixxu b’mod fejn kien hemm ġeneralment affjatament bejn dawk li jħaddnu opinjonijiet diversi.  Qed nirreferi għar-rwol li Malta kellha bħala ċentru ta’ għajnuna umanitarja waqt l-avvenimenti li ġraw fl-Afrika ta’ Fuq.  Naħseb li kien ċar li kien jeżisti kunsens li kellna missjoni x’naqdu bħala pajjiż li għandu relevanza fir-reġjun tagħna fil-kuntest ta’ servizz umanitarju essenzjali.  Għalkemm spiss tiġi aktar enfasizzata l-firda bejn naħat differenti, din kienet okkażjoni fejn deher sew li l-ftehim jista’ jintlaħaq f’materji ta’ interess nazzjonali.  Hu ta’ sodisfazzjon għal kulħadd li Malta ġibdet l-ammirazzjoni u r-rispett tal-komunità internazzjonali u tat xhieda li mhix art magħluqa fiha nfisha jew iżolata mill-bqija tad-dinja imma nazzjon li lest jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu skont iċ-ċirkostanzi tal-mument.
 
L-istess jista’ jingħad dwar il-ftehim li ntlaħaq fid-9 ta’ dan ix-xahar fis-summit li sar fi Brussell fejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief ir-Renju Unit, qablu kif għandu jissaħħaħ l-Ewro u li għandhom isiru regoli dwar limiti fuq id-deficits u d-dejn nazzjonali.  Biex jintlaħaq dan il-għan, ser ikun meħtieġ li r-regoli jiġu inkorporati fil-kostituzzjoni tagħna u jidher li hemm diġà qbil bejn iż-żewġ partiti l-kbar dwar il-linji ġenerali li jawgura tajjeb biex isiru t-tibdiliet neċessarji.  Dan  hu ta’ sodisfazzjon għaliex is-sitwazzjoni ekonomika globali preżenti, partikularment dik f’numru ta’ pajjiżi Ewropej, bilfors li qed ikollha u ser ikollha riperkussjonijiet fuq pajjiżna.  Filwaqt li d-dibattitu jibqa’ dejjem sintomu ta’ demokrazija dinamika, tajjeb li jkun hemm kemm jista’ jkun qbil dwar kif għandna nfittxu l-aħjar toroq biex il-pajjiż ikompli jiżviluppa u jkabbar l-ekonomija tiegħu.  L-iżvilupp ekonomiku għandu jkollu bħala l-mira tiegħu l-ġid tal-Poplu, l-għajnuna lil min jeħtieġa l-aktar u l-ġustizzja soċjali.
 
F’jum ta’ sinifikat nazzjonali bħal-lum, hu tajjeb li niftakru f’dawk il-Maltin li matul l-istorja ħadmu bis-sħiħ sabiex pajjiżna mexa ’l quddiem bħala Stat Indipendenti, repubblikan u demokratiku fejn irnexxielna nibnu s-soċjetà li għandna llum, kemm jekk ħadmu fil-qasam politiku, soċjali, kulturali jew reliġjuż.  Kienu dawn l-individwi, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, li kellhom viżjoni fejn kellu jmur in-nazzjon Malti u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom bnew fuq is-sisien li ħejjew huma.
 
Jum ir-Repubblika huwa jum meta jingħataw onorifiċenzi uffiċjali lil persuni li jkunu jistħoqqu dan il-ġieħ għas-servizz li jkunu taw lin-Nazzjon u lis-soċjetà Maltija min f’xi qasam u min f’ieħor.  Naħseb li huwa importanti li jingħata dan ir-rikonoxximent uffiċjali lil min ta sehmu għall-ġid komuni.  Filwaqt li nifirħilhom minn qalbi u nirringrazzjahom, nuri wkoll l-apprezzament tiegħi lil ħafna oħrajn li, għalkemm mhumiex qed jirċievu onorifiċenzi, jagħtu ħinhom u ħilithom għall-benefiċċju ta’ għajrhom.
 
Grazzi u l-festi t-tajba lil kulħadd.