THE HON. CHRIS SAID, PARLIAMENTARY SECRETARY FOR CONSUMERS, FAIR COMPETITION, LOCAL COUNCILS AND PUBLIC DIALOGUE, DELIVERS THE OPENING SPEECH AT THE `MAM GOZO GUIDELINES CONFERENCE` ORGANISED BY THE MEDICAL ASSOCIATION OF MALTA – MĠARR, GOZO

Reference Number: pr2434, Press Release Issue Date: Dec 13, 2011
 
Sinjuri,
 
Huwa ta’ pjaċir għalija li nkun hawn biex nindirizza din il-konferenza dwar Linji Gwida Mediċi, organizzata mill-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta, b’fondi mill-Fond Soċjali Ewropew.
 
Qed nieħu pjaċir insegwi l-ħidma tal-Assoċjazzjoni f’dan il-qasam u naraha tieħu inizjattivi validi, anke b’fondi Ewropej, biex tkompli tara li s-settur mediku Malti jkompli jiżviluppa għall-aqwa ġid tal-poplu tagħna u tal-professjonisti fis-settur.
 
Wieħed japprezza l-iżjed dak li hu importanti għalih meta dik il-ħaġa tintilef jew tkun f’riskju li tintilef. Hekk is-saħħa. Wieħed japprezza l-iżjed saħħtu meta jimrad. Wieħed japprezza iżjed il-professjonisti mediċi meta jiġi bżonnhom. Wieħed japprezza iżjed is-servizzi ta’ sptar meta jkun f’wieħed. 
 
Is-saħħa hija prijorità għal kull ħadd. Hija prijorità ewlenija tal-Gvern – dik li l-poplu tagħna jkollu l-aqwa servizzi mediċi u b’xejn. Bnejna sptar tal-aqwa kwalità, qed ningaġġaw aktar professjonisti, qed inħarrġu aktar studenti mediċi u qed naraw li dan is-settur f’pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.
 
Anke għas-snin li ġejjin is-saħħa tibqa’ prijorità ewlenija tal-Gvern u qed naraw riżultati pożittivi ġejjin minn dan il-qasam, li jeħtieġ li jkomplu ġejjin. Jekk nagħtu ħarsa lejn l-aħħar sena sħiħa tal-Isptar l-antik – l-Isptar San Luqa – naraw li kienu saru 32,764 (tnejn u tletin elf, seba’ mija u erbgħa u sittin) operazzjoni. Matul is-sena li għaddiet, fl-Isptar Mater Dei, saru 41,795 (wieħed u erbgħin elf, seba’ mija u ħamsa u disgħin) operazzjoni … żieda ta’ 9,031 (disat elef u wieħed u tletin) operazzjoni. L-indikazzjonijiet kollha juru li din is-sena n-numru se jkompli jikber.
 
Ilħaqna l-ogħla livell ta’ suċċess? Le. Iżda mexjin. Sakemm tibqa’ persuna waħda li għandha bżonn tagħmel operazzjoni u għadha qed tistenna, jeħtieġ li nkomplu naħdmu kontra l-ħin, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.
 
Is-servizz mediku f’pajjiżna – kemm dak mogħti fl-isptarijiet pubbliċi, mit-tabib tal-familja fid-djar u operaturi oħra, huwa parti mis-sisien li jħarsu t-tessut soċjali ta’ pajjiżna. Il-Gvern qed ikompli jinvesti bil-qawwi f’dan il-qasam. Ftit tal-jiem ilu, waqt il-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena 2012, rajna n-nefqa f’dan is-settur tikber b’37.5 miljun ewro - nefqa totali ta’ 415.8 miljun ewro.
 
Il-konferenza li l-MAM qed torganizza hawn f’Għawdex timxi id f’id mal-prijoritajiet tal-Gvern. It-taħriġ għall-istudenti u għall-allievi mediċi huwa fundamentali għall-futur tas-settur. L-istudenti tal-lum huma l-professjonisti ta’ għada. Dan jagħmel it-taħriġ u l-opportuntaijiet għall-istudenti tagħna investiment fis-servizz mediku tal-futur.
 
Hija prijorità tagħna li mhux biss naraw aktar studenti jiggradwaw fis-settur mediku, iżda li nżommu f’pajjiżna l-maġġorparti ta’ dawn il-gradwati, sabiex jagħtu lura lill-pajjiż dak li jkunu tgħallmu.
 
B’sodisfazzjon naraw li matul is-sena li għaddiet kellna aktar tobba li rritornaw Malta milli tobba Maltin li ħallew lil pajjiżna. Fl-istess waqt qed inħeġġu lill-istudenti mediċi tagħna biex ikomplu bl-istudji tagħhom … biex jispeċjalizzaw, anke barra minn Malta, u għal dan il-għan – bħala Gvern – qed inniedu għadd ta’ skemi ta’ boroż ta’ studju biex nagħmlu l-ispeċjalizzazzjoni tal-istudenti mediċi tagħna possibbli, speċjalment għal dawk li weħdihom qatt ma jistgħu jaslu li jħallsuha.
 
Irridu l-ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti mediċi mħarrġa tajjeb, speċjalizzata, sabiex tagħmel lill-pajjiżna destinazzjoni medika ta’ suċċess. Mhux biss biex il-poplu tagħna jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-aqwa li s-servizz mediku jista’ joffri, iżda anke biex nattiraw lejn pajjiżna turisti mediċi – persuni li jkunu jixtiequ jagħmlu intervent mediku u jirkupraw f’pajjiżna, fix-xemx Mediterranja u mdawrin bl-akkoljenza magħrufa tal-Maltin.
 
B’sodisfazzjon naraw ukoll li l-programm ta’ fondazzjoni tal-MAM irċieva 120 applikazzjoni minn barra. Dan hu kollu interess minn barra li għandu jagħmel lill-assoċjazzjoni u lill-pajjiżna kburin.
 
Ta’ sodisfazzjon ukoll nara li din hija t-tieni darba fi żmien qasir li l-Assoċjazzjoni qed torganizza konferenza ta’ din l-iskala fil-gżira ta’ Għawdex. Huwa parti mill-pjan eko-għawdex, li nagħmlu lill-gżira ta’ Għawdex gżira li tattira investiment sostenibbli. Nemmen li fejn jidħol turiżmu mediku Għawdex għandu ħafna x’joffri u l-inizjattiva tal-MAM li ttella’ din il-konfereza f’Għawdex hija bla dubju pass fid-direzzjoni t-tajba.
 
L-appell tiegħi lil dawk kollha qed li qed jieħu sehem f’din il-konferenza u lill-istudenti mediċi kollha f’pajjiżna hu biex niffukaw fuq l-innovazzjoni, anke fil-kamp mediku. Ejja naraw li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ professjonisti mediċi tkompli tagħmel lill-pajjiżna kburi, lill-poplu tagħna servut bl-aqwa mod u tikkontribwixxi biex tagħmel lil Malta post fejn l-innovazzjoni medika tattira investiment, turiżmu mediku u rispett tal-professjonisti madwar id-dinja.
 
Nagħlaq billi mill-ġdid nifraħ lill-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta, lill-organizzaturi ta’ din il-konferenza, lill-għadd ġmielu ta’ kelliema u lilkom ilkoll hawn preżenti. Nawguralkom jum produttiv u kostruttiv.
 
Grazzi ħafna.