RAPPORT TAL-AWDITUR ĠENERALI DWAR IL-FONDI PUBBLIĊI 2010

Reference Number: pr2436, Press Release Issue Date: Dec 14, 2011
 
Illum, l-14 ta’ Diċembru 2011, l-Awditur Ġenerali ppreżenta lill-Onor. Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti r-Rapport Annwali ta’ Verifika tal-Fondi Pubbliċi għas-sena 2010. L-osservazzjonijiet prinċipali fil-qosor kienu kif jidhru hawn taħt.
 
Wara analiżi tar-Rapport Finanzjarju tal-Gvern għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2010, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nnota li:
 
  • il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment (MFEI) għad m’għandux analiżi dettaljata tal-varjazzjonijiet għas-sena 2010, f’dawk li huma ċerti sorsi ta’ Dħul, għalkemm l-NAO, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija, osserva titjib fuq is-sena preċedenti;
 
  • jeħtieġ li jsir titjib fis-sistema ta’ analiżi tal-varjazzjonijiet fil-livelli Ministerjali u Dipartimentali. Dan joħroġ ċar mill-infiq fejn kien hemm bosta każi ta’ eċċess sostanzjali bejn l-ammonti reali meta mqabbla ma’ dawk stmati;
 
  • minkejja li ġie rraportat li t-Teżor ħa azzjoni, il-bilanċi tal-Cash Book u tal-Bank Ċentrali, murija fir-Rapport Finanzjarju 2010, għadhom ’il bogħod milli jaqblu mal-figuri korrispondenti, kif dehru fir-Rendikont Bankarju f’Diċembru 2010.
 
  • Ittri ta’ Rassigurazzjoni u Garanziji Bankarji issa jammontaw għal €1,037 miljun (imqabbla ma’ €893 miljun tas-sena 2009).  Dan jista’ jwassal biex ’il quddiem il-Gvern jitgħabba b’ċertu obbligazzjonijiet.
 
B’kuntrast mas-snin ta’ qabel, erba’ Ministeri/Dipartimenti biss naqsu milli jibagħtu r-Returns tal-Arretrati tad-Dħul tagħhom għas-sena 2010. Madanakollu, verifika ta’ numru ta’ Returns, mibgħuta lill-NAO, ma setgħetx issir minħabba li d-Dipartimenti mhux dejjem bagħtu dokumenti li jispjegaw sew ċertu informazzjoni li jkunu taw.
 
Iż-żewġ rapporti dwar karozzi Fully-Expensed fi ħdan l-Extra Budgetary Units (EBUs), kif ukoll dwar safar uffiċjali, żvelaw għadd sostanzjali ta’ nuqqasijiet f’diversi Ministeri. 
 
Waqt li l-ammont ta’ Immigranti Irregolari miżmuma fiċ-Ċentri Magħluqa ta’ Detenzjoni sa tmiem l-2010 naqas għal 58, imqabbel mat-393 li kien hemm fil-bidu tal-istess sena, il-kuntratt għall-provvista ta’ ikel li dawn il-persuni jingħataw kuljum kien ikopri massimu ta’ 2,500 persuna. Biex jiġi onorat dan il-ftehim, il-forniment ta’ ikliet ġie estiż għal dawk ir-residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u għal dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli li jinsabu f’diversi Ċentri Miftuħa.
 
Minn rapporti tal-awdituri tal-Gvern Lokali, kienu nnotati dawn il-każijiet li qanqlu tħassib:
 
  • Minkejja li t-tmienja u sittin Kunsill Lokali kollha kellhom jibagħtu lill-NAO r-Rapporti Finanzjarji vverifikati tagħhom sat-2 ta’ Mejju 2011, sa nofs Ottubru li għadda 2 minnhom kienu għadhom ma għamlux dan.
  • L-Awdituri ma setgħux jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar ir-Rapporti Finanzjarji ta’ żewġ Kunsilli partikulari minħabba l-ammont ta’ informazzjoni nieqsa li kien fihom.
  • F’wieħed u sittin Rapporti ta’ Verifika oħra, l-opinjoni tal-awdituri kienet kwalifikata.
  • Seba’ Kunsilli Lokali rreġistraw Working Capital negattiv fl-Istqarrija tal-Pożizzjoni Finanzjarja tagħhom.
  • Sbatax-il Kunsill Lokali rreġistraw indikatur taħt l-10%, liema livell huwa ffissat bir-regolamenti tal-Kunsilli Lokali, f’dik li hi s-Sitwazzjoni Finanzjarja.
  • Sittax-il Kunsill Lokali rreġistraw defiċit fl-Istqarrija tad-Dħul komprensiv.
 
Analiżi tad-dokumenti miżmuma fl-Uffiċċju Prinċipali, fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, relatati mal-Ambaxxati f’The Hague u Lisbona, żvelat li kien hemm drabi fejn dokumentazzjoni uffiċjali ma kinitx disponibbli jew kienet tinżamm biss mill-Missjoni rispettiva.  Għalhekk il-kompletezza tad-dħul kollu miġbur u/jew il-korrettezza tal-pagamenti maħruġa mill-Missjoni rispettiva, kif ukoll it-tħaris tar-regolamenti eżistenti, ma setgħux jiġu żgurati.
 
Ir-regolamenti f’dak li huwa xiri mhux dejjem kienu qed jiġu osservati mill-Ministeru għal Għawdex. Ċertu prodotti u servizzi, li qabżu l-limitu ta’ €6,000, inkisbu direttament mis-Suq Miftuħ mingħajr sejħa pubblika għal kwotazzjonijiet jew offerti.
 
Pagamenti lil konsulent għas-servizzi li ta lill-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni ma ġewx dokumentati.  Saħansitra lanqas instabu kontijiet fiskali għas-servizzi mogħtija.  Ġie nnotat ukoll nuqqas ta’ kontroll f’dak li hu ħruġ ta’ pagamenti b’rabta mat-tindif, u l-manutenzjoni tal-lifts.
 
Minħabba għadd konsiderevoli ta’ nuqqasijiet żvelati wara verifika li saret fuq is-sistema tal-iStudents’ Maintenance Grants, l-NAO huwa ta’ l-opinjoni li l-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-iskema tal-iSmart Card mhumiex effettivi, u l-ispejjeż biex tamministraha jistgħu qed ikunu akbar mill-benefiċċji li qed jittieħdu. Il-provvediment u l-kontroll tal-iskema tal-iSmart Card minn kumpanija privata kienu wkoll karatterizzati minn numru ta’ nuqqasijiet. 
 
Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) akkwista s-servizz ta’ konsulent biex bl-esperjenza tiegħu jassisti fl-implimentazzjoni tal-proġett tal-Fond Soċjali Ewropej.  Pagamenti lil dan il-konsulent ma setgħux jiġu vverifikati mill-NAO minħabba li ma nżammux rekords tal-attendenza.  Ġew innotati wkoll nuqqasijiet kif jinżamm il-petty cash.
 
Verifika tal-pagamenti tal-Benefiċċji tat-Tfal żvelat li l-Att tas-Sigurtà Soċjali ma jipprovdix għal penali f’każijiet meta xi ħadd jagħmel dikjarazzjoni qarrieqa.  L-NAO nnota wkoll li meta tali persuni jiġu mgħarrfa li lilhom tħallsu ammonti aktar milli suppost mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, dawn mhumiex speċifikament qed jintalbu jroddu lura l-ammonti żejda.
 
Waqt verifika fid-Dipartiment tas-Saħħa ġie nnotat in-nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti għax-xiri, kif ukoll il-kontroll mhux adegwat ta’ nfiq minn ċentri meta l-ispiża ssir għan-nom ta’ entitajiet oħra.
 
L-implimentazzjoni tat-Tieni Fażi tal-Exemption Order Scheme, imnedija mill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomijia u Investiment f’Lulju 2010, ġiet estiża għal dawk il-persuni li jħaddmu impjegati magħhom u li kellhom bilanċi ta’ taxxa pendenti mill-Final Settlement System (FSS) u tal-Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, sabiex dawn jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Biex persuna li tħallas it-taxxa tkun tista’ tipparteċipa f’din l-iskema qabel xejn ried jintbagħat lilha Ittra ta’ Notifika/Ftehim. Madanakollu, minn reviżjoni tal-proċess tal-implimentazzjoni, sar magħruf li analiżi dettaljata tal-persuni taxxabbli kollha kienet għadha ma tlestietx.
 
Wara reviżjoni tal-ammonti inklużi taħt ‘Arretrati Antiki kkanċellati’ u ‘Ammonti Mhux Dovuti’, kif irrapportati fir-Return tal-Arretrati ta’ Dħul għas-sena 2009 tad-Diviżjoni tal-VAT, irriżulta li numru ta’ aġġustamenti interdipartimentali bi żball kienu kklassifikati fir-Return bħala kkanċellati.
 
Għadhom ma ġewx stabbiliti rati uffiċjali għal diversi servizzi professjonali mogħtija lill-Qorti Kriminali.  It-tariffi li normalment jiġu applikati huma ntaxxati mill-Qorti wara li l-miżata dovuta tiġi nnegozjata mal-Esperti rispettivi tal-Qorti.
 
Minn reviżjoni tal-Emolumenti Personali fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu numru ta’ nuqqasijiet.  Dawn kienu b’rabta ma’ pagamenti ta’ salarji mhux korretti, rekords mhux aġġornati jew mhux kompluti, proċeduri speċifiċi mhux appoġġjati b’regolamenti uffiċjali, kif ukoll nuqqas ta’ kontroll ta’ proċeduri amministrattvi partikulari.
 
Verifika tal-Għajnuna Medika b’Xejn, mogħtija lill-out patients permezz tal-Kartuna r-Roża u s-Safra, żvelat kontroll intern fqir ħafna, fejn jidħlu proċeduri biex jiġu studjati l-mezzi tal-individwu, u l-ħruġ tal-Kartuna r-Roża, speċjalment lill-pazjenti dijabetiċi Għawdxin.  Barra minn hekk, sar magħruf li l-Kartuna s-Safra kienet qed tiġi approvata għal ċertu kundizzjonijiet oħra, barra minn dawk uffiċjalment approvati taħt il-Ħames Skeda tal-Att tas-Sigurtà Soċjali.
 
Ir-Rapport sħiħ ikun fuq il-websajt tal-NAO http://www.nao.gov.mt mill-14 ta’ Diċembru 2011.