RENDIKONT TAS SENA TA’ ĦIDMA TAL-PARLAMENT GĦALL 2011 MILL ISPEAKER TAL-KAMRA TAD DEPUTATI

Reference Number: pr2440, Press Release Issue Date: Dec 14, 2011
 
Fi tmiem l-aħħar seduta tal-Parlament għall-2011 li saret illum 14 ta’ Diċembru, l-Onor. Michael Frendo, Speaker tal-Kamra tad‑Deputati ta ħarsa qasira lejn il-ħidma li wettaq il‑Parlament ta’ Malta matul is‑sena li għaddiet.
 
-      Fl-2011 il-Kamra ltaqgħet 140 darba fil-plenarja sabiex tgħaddi 23 att parlamentari kif ukoll tiddiskuti diversi mozzjonijiet mressqa quddiemha, inkluż 13‑il mozzjoni privata.
 
-      Barra mis‑seduti fil-plenarja, il-Membri Parlamentari ħadu sehem ukoll f’142 laqgħa tal‑kumitati permanenti u magħżula tal-Kamra, inkluż 40 laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall‑Kunsiderazzjoni tal-Abbozzi ta’ Liġi u allura jirreferu għall-istadju ta’ Kumitat ta’ leġiżlazzjoni.
 
-      Matul l-2011 ittieħdu 52 votazzjoni fil-Kamra, li jinkludu votazzjonijiet fid‑diversi stadji tal‑proċess leġiżlattiv parlamentari, dwar mozzjonijiet privati.
 
-      L-Ispeaker ta 14‑il Ruling, li deċiżjoni minnhom kienet vot deċiżiv (casting vote).
 
-      Fl-2011 saru 14‑il stqarrija ministerjali lill‑Kamra fuq diversi suġġetti.
 
-      Saru 9,076 mistoqsija parlamentari fl-2011.
 
-      Matul is‑sena tressqu sitt petizzjonijiet.
 
-      Fl-2011 tqiegħdu wkoll 8,951 dokument fuq il‑Mejda tal‑Kamra.
 
-      Il-ħin ta’ nofs siegħa aġġornament fi tmiem is‑seduti parlamentari ttieħed 84 darba.
 
-      Din is‑sena kien hemm medja ta’ 8,750 żjara fix-xahar fis‑sit elettroniku tal‑Parlament www.parlament.mt.
 
-      F’dak li huwa skrutinju ta’ proposti leġiżlattivi Ewropej, il-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej eżamina 191 proposta, li minnhom 10 inżammu fuq l-aġenda tal-Kumitat sabiex tintalab aktar informazzjoni dwarhom mingħand il-Gvern.
 
-      Matul l-2011 ukoll, il-Parlament għamel użu darbtejn mis‑setgħa li ngħatat lill-parlamenti nazzjonali permezz tad‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Liżbona, dik li jibgħat opinjoni motivata lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea meta jħoss illi xi proposta leġiżlattiva Ewropea ma tkunx konformi mal-prinċipju tas‑sussidjarjetà. Iż‑żewġ opinjonijiet kienu jikkonċernaw il-proposta għal Bażi għat‑Taxxa
Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) li ntbagħtet f’Mejju u l-proposta għal Taxxa fuq it‑Transazzjonijiet Finanzjarji (FTT) li ntbagħtet f’Diċembru.
 
-      Minbarra d‑diversi gruppi ta’ tfal tal-iskola u studenti Maltin u barranin li kull sena jżuru l‑Parlament ta’ Malta, din is‑sena ġew organizzati seba’ attivitajiet fi ħdan l-inizjattiva mnedija fl-2010 mill-Ispeaker Michael Frendo ta’ Impenn mas-Soċjetà Ċivili (Engaging with Civil Society). Dawn il‑laqgħat saru ma’ membri minn diversi għaqdiet u kumpaniji: l-Imdina Lions Club, il‑Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Fimbank plc, il-bank APS, il-Castell Coch Choral Society minn Cardiff, Fenech & Fenech Associates u l-Konfederazzjoni tal‑Għaqdiet tan‑Nisa Maltin (MCWO).