FOND TA’ €65,000 FIS-SENA BIEX L-IMPJEGATI JTEJBU L-ĦILIET TAGĦHOM

Reference Number: PR 2814, Press Release Issue Date: Dec 28, 2012
 
Illum kien iffirmat Ftehim Kollettiv bejn l-MCAST u l-Union Ħaddiema Magħqudin li jniedi kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u żidiet fil-pagi għall-istaff amministrattiv u tekniku tal-Kulleġġ, waqt li jwitti t-triq għal aktar titjib fis-servizzi offruti lill-istudenti.
 
Dan hu t-tielet Ftehim Kollettiv li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ikkonkluda dan ix-xahar, wara dawk għall-istaf Akkademiku tal-Istitutzzjoni għall-Istudji Turistiċi u ieħor għall-impjegati Amministrattivi u Tekniċi tal-Università.
 
Permezz ta’ dan il-ftehim, kemm l-istaff akkademiku kif ukoll dak mhux akkademiku ta’ din l-istituzzjoni edukattiva, issa huma koperti minn ftehim kollettivi li jagħtuhom diversi benefiċċji filwaqt li jiggarantixxu li l-MCAST tibqa’ toffri edukazzjoni tal-ogħla kwalità lill-istudenti tagħha.
 
Il-ftehim li hu għal perjodu ta’ tliet snin, jipprovdi għal diversi benefiċċji għall-ħaddiema fosthom żjidiet fis-salarji li jvarjaw minn €500 għal €300 fis-sena. Iż-żjidiet fis-salarji se jitħallsu b’lura mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena li qed tispiċċa.
 
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina qalet li kif inhi l-politika tal-Gvern u kif sar anke fil-każ tal-impjegati mhux akkademiċi tal-Università ġew introdotti diversi miżuri maħsuba biex jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja – family friendly measures.
 
Fost dawn inisbu l-possibbiltà li ħaddiema jaħdmu b’sistema ta’ siegħat imnaqqsa jekk ikunu jridu jieħdu ħsieb tfal taħt is-16-il sena jew dipendenti, inkluż ġenituri li jkunu morda.
 
Qed ikunu introdotti wkoll il-Flexi Time u t-Teleworking fejn dawn ikunu possibbli u skont l-esiġenzi tas-servizz.
 
La darba, fost il-ħaddiema li għalihom japplika dan il-Ftehim Kollettiv, hemm ukoll ħaddiema industrjali, kien xieraq ukoll li l-MCAST jintrabat li jipprovdi lil dawn il-ħaddiema, ħwejjeġ protettivi skont it-tip ta’ xogħol li jagħmlu.  Il-Ministru appellat lil dawn il-ħaddiema biex jagħmlu użu minn dan l-ilbies protettiv.
 
Il-Ministru Cristina qalet li l-aktar aspett li hu għal qalbha fil-ftehim li qed ikun iffirmat hu dak li jħares lejn l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-ħaddiema tagħna, anke jekk għandhom xogħol amministrattiv, klerikali u anke industrjali.
 
“Qegħdin nipprovdu fond ta’ €65,000 kull sena biex il-ħaddiema tagħna jkomplu jtejjbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ korsijiet li jipprovdi l-MCAST stess jew korsijiet approvati mit-tmexxija tal-Kulleġġ f’istituzzjonijiet oħra. Il-ħaddiema kollha, mill-kbir saż-żgħir għandhom jaħtfu din l-opportunità u jfittxu li jtejjbu l-ħiliet tagħhom għax dan joffrilhom possibbiltà ta’ avvanzi fil-karrieri tagħhom”, qalet il-Ministru.
 
Hi rringrazzjat lil dawk l-uffiċjali kollha tal-MCAST u tal-Union Ħaddiema Magħqudin li taw sehemhom biex wasalna għal dan il-ftehim.
 
Stephen Cachia Prinċipal tal-MCAST qal li “l-istaff amministrattiv, tekniku, klerikali u ta’ appoġġ tagħna jaqdi rwol kruċjali biex jiżguraw li l-Kulleġġ joffri esperjenza edukattiva pożittiva lill-istudenti tagħna. Dan il-ftehim kollettiv jipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol li permezz tagħhom l-impjegati tagħna jkunu jistgħu jkomplu joffru s-servizzi tagħhom b’dedikazzjoni u responsabbiltà, hekk kif għamlu fis-snin li għaddew biex l-MCAST seta’ jikseb suċċess.”  
 
Josef Bonello, Segretarju Ġenerali tal-UHM qal li dan il-ftehim iqisu bħala wieħed storiku għax permezz tiegħu qed titpoġġa fil-prattika il-policy tal-UĦM li kontinwament tisħaq fuq il-bżonn li l-ħaddiema jtejjbu l-ħiliet tagħhom għax b’hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu aktar kemm għall-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll għall-ġid tagħhom u l-familji tagħhom.  Appella lill-impjegati biex jagħmlu użu minn dawn ir-riżorsi u awgura li anke l-indutrja privata tipprovdi riżorsi għat-titjieb tal-impjegati tagħhom għax dan għandu jitqies bħala investiment.
 
Joe Farrugia, President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST qal li dan il-ftehim, flimkien ma’ dak iffirmat aktar kmieni din is-sena bejn l-MCAST u l-MUT għall-impjegati akkademiċi tal-Kulleġġ, huma xhieda tal-importanza li qed tingħata lill-investiment fl-edukazzjoni vokazzjonali. “Permezz ta’ dawn il-ftehim, flimkien mal-investiment fil-Kampus il-Ġdid tal-MCAST li se jipprovdi faċilitajiet tat-tagħlim tal-ogħla livell, il-Kulleġġ se jkun jista’ jibqa’ jaħdem biex jilħaq il-mira tiegħu li jsir ċentru ta’ eċċellenza fl-iżvilupp tar-riżorsi umani f’Malta.”