INVESTIMENT LOKALI TA’ 10 MILJUN EWRO LI SE JKOMPLI JATTIRA AKTAR XOGĦOL U ŻIEDA FL-IMPJIEGI

Reference Number: PR 2815, Press Release Issue Date: Dec 28, 2012
 
F’ċerimonja qasira li saret dalgħodu f’Ta’ Qali, ġie ffirmat kuntratt bejn il-Gvern u s-sidien taċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjoni f’Ta’ Qali ,għal ċens temporanju ta’ art li tesa 68,064 metru kwadru. Il-Gvern se jkun qed jgħaddi din l-art b’ċens ghal perjodu ta’ 65 sena. L-għan prinċipali wara dan il-ftehim huwa sabiex l-kumpanija li tmexxi ċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjoni f’Ta’ Qali  jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-MFCC, tkompli tkabbar u tiżviluppa dan il-post sabiex ikompli jiġu organizzati fost l-oħrajn eżebizzjonijiet, konferenzi, attivitajiet sportivi, shows u avvenimenti oħra simili. Il-kumpanija hija marbuta li tagħmel investiment ta’ 10 miljun Ewro fl-ewwel ħames snin fuq dan il-proġett, hekk kif jinħareġ il-permess tal-MEPA.
 
Il-prezz taċ-ċens ta’ din l-art se jibda minn €186,320 fis-sena, liema rata tibqa tiela sa massimu ta’ €456,484 sa meta jispiċċa l-kuntratt. Il-Ministru responsabbli mill-artijiet, Jason Azzopardi qal li dan huwa pass ieħor importanti ’l quddiem, sabiex jinħoloq aktar investiment lokali, liema investiment se jkun qed joħloq aktar xogħol, kummerċ u żieda fl-impjiegi. Huwa qal li dan l-investiment se jkun qed jattira wkoll investituri barranin li se jkunu qed jagħzlu lill-pajjiżna sabiex jinvestu u jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom bħall-kunċerti, konferenzi internazzjonali u attivitajiet kbar oħra f’dan iċ-ċentru. Huwa qal li l-Gvern dejjem kien konxju u għaqli sabiex jgħaddi l-art pubblika, lil dawk l-għaqdiet, assoċjazzjonijiet jew kumpaniji li jkunu se jużawha fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
 
Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinċentiva aktar kumpaniji sabiex ikomplu jkabbru u jinvestu fin-negozju tagħhom. B’hekk jinħoloq ambjent ta’ kummerċ li jwassal għat-tisħiħ ekonomiku ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li n-negozji Maltin u Għawdxin huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija u huwa d-dmir tal-Gvern li jkompli jgħinhom sabiex jimirhu f’ambjent san u f’ekonomija b’saħħitha. Hekk għamel il-Gvern fl-aħħar ħames snin, sostna Azzopardi fejn ħoloq skemi u inċentivi sabiex ikompli jgħin lin-negozji jinvestu fis-sod. Qal li fl-aħħar ħames snin in-numru ta’ liċenzji ġodda tal-kummerċ żdiedu drastikament. Semma wkoll li n-numru ta’ self employed żdiedu wkoll fl-aħħar snin u din, saħaq Azzopardi hija turija ċara li n-negozji Maltin u Għawdxin għandhom fiduċja fl-ekonomija Maltija u fit-tmexxija tal-Gvern preżenti għaliex qed ikomplu jinvestu, jkabbru u jziedu l-impjiegi.
 
Preżenti għal dan l-iffirmar, kien hemm ukoll is-Sur Reuben Caruana , Direttur ta’ MFCC kif ukoll is-Sur Gerard Borg, Direttur Manigerjali li minn naħa tagħhom saħqu li dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ lill-kumpanija kif ukoll joħloq aktar xogħol kemm fuq livell lokali u anki dak internazzjonali u se jgħin sabiex jizdiedu aktar impjiegi ġodda fi ħdan il-kumpanija li sal-lum timpjega magħha mal-200 ħaddiema.
 
Il-Ministru Azzopardi awgura li dan l-iżvilupp irendi f’suċċess għal din il-kumpanija li se tkompli taħdem sabiex toħloq aktar xogħol u impjiegi kif ukoll tattira investituri barranin sabiex dawn minn naħa taghhom jagħżlu lill-pajjiżna sabiex jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom f’dan iċ-ċentru.