L-ISPIRTU TAL-MILIED FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL

Reference Number: PR 2816, Press Release Issue Date: Dec 28, 2012
 
Il-Milied iġib miegħu l-ferħ u l-paċi u kull sena f’dawn iż-żminijiet ir-Residenza San Vinċenz de Paul tkun mimlija attivitajiet biex iferrħu lill-anzjani-residenti li llum ilaħħqu l-1200 u lill-istaff.  Ir-residenza toffri kura ħolistika u għalhekk tagħti importanza kbira lill-attivitajiet soċjali għall-klijenti tagħha.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea dalgħodu qassam ir-rigali tal-Milied lil uħud mir-residenti. Hu ħa l-opportunità biex awgura lir-residenti u l-istaff l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida.  

Ta’ min iżid li għadd kbir ta’ studenti kull sena jżuru l-anzjani fis-swali u jsir kant ta’ għanjiet tal-Milied fis-swali, reċti u daqq ta’ strumenti mużikali. Ma tonqosx ukoll il-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ għaqdiet volontarji.  Is-swali tar-Residenza wkoll jiġu mżejna biex l-anzjani u l-istaff igawdu l-ispirtu sabiħ tal-Milied. 

Bħalissa fil-foyer tat-teatru tar-Residenza San Vinċenz de Paul għaddejja wirja ta’ presepji minn materjal riċiklat. Il-wirja nħadmet mill-istudenti tal-Kulleġġ Savio.