DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-KUMPLESS DANIEL'S, IL-ĦAMRUN - IL-ĠIMGĦA 28 TA’ DIĊEMBRU 2012

Reference Number: PR 2817, Press Release Issue Date: Dec 28, 2012
 

Sur Delicata
Sur Agius
Mistiedna Distinti
Sinjuri
 
Ħafna minnha niftakru l-kumpless taċ-ċinema Hollywood li kien f'dan il-post.
 
Illum qegħdin hawn biex niċċelebraw it-trasformazzjoni ta' dan l-ispazju li għal ħafna snin kien magħluq.
 
B'investiment ta' ħamsa u tletin miljun ewro li sar mis-sidien ta' dan il-kumpless u mis-sidien tan-negozji, iċ-ċentru Daniel's qiegħed ikun mutur ewlieni fir-riġenerazzjoni taċ-ċentru kummerċjali tal-Ħamrun. 
 
Bi pjaċir ngħid li dan iċ-ċentru, f'dawn l-aħħar ġimgħat, qiegħed diġà jistabbilixxi ruħu bħala post ta’ kummerċ u qiegħed ikompli jikkonsolida l-lokalità tal-Ħamrun bħala qalba kummerċjali f’pajjiżna u lokalità li fiha hawn investiment mis-settur privat, negozji żgħar u medji li joħolqu x-xogħol għall-ħaddiema.
 
L-investiment li sar f’dan il-bini huwa frott tal-fiduċja tal-investituri u tas-sidien tal-ħwienet fl-ekonomija Maltija.  Hi fiduċja mibnija wkoll fuq ir-riżultati ekonomiċi pajjiżna qiegħed jikseb tul dawn l-aħħar snin.
 
Fil-fatt, l-ekonomija Maltija kompliet tikber tul dawn l-aħħar snin u s-settur tal-wholesale u retail kien wieħed mis-setturi li kkontribwixxa għal dan it-tkabbir.  Tul dawn l-aħħar erba’ snin dan is-settur kiber b’5% u dan ġie rifless ukoll fin-numru ta’ persuni jaħdmu f’dan il-qasam. 
 
Qegħdin noħolqu x-xogħol.  Pajjiżi oħra ġirien tagħna, m’humiex.
 
Għal dan il-kontribut u aktar, is-sidien tan-negozji żgħar u medji f’pajjiżna għandhom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-Gvern immexxi minni.
 
Il-Gvern huwa konxju tas-sagrifiċċji u tar-riskji li tieħdu u għalhekk qiegħed jinvesti fi skemi u f’inizjattivi sabiex inkunu ta’ sostenn għalikom fid-deċiżjonijet tagħkom.
 
B’sodisfazzjon ninnota kif dan is-settur qiegħed jieħu l-opportunitajiet li qed joffri l-Gvern permezz tal-iskemi li qed iniedi biex min hu fin-negozju jinvesti aktar u joħloq aktar xogħol għall-ħaddiema.  Intom qed tittrasformaw l-iskemi tal-Gvern f’impjiegi.
 
Bl-iskema MicroInvest sa issa għenna aktar minn 1,800 sid ta’ negozju jinvestu aktar minn 28 miljun ewro bejniethom.  Il-Gvern immexxi minni huwa kommess li jkompli jinvesti u jwessa’ din l-iskema sabiex jibbenefikaw dawk in-negozji li jħaddmu sa 30 persuna.  Aħna favur in-negozju, favur l-investiment u favur il-ħolqien tax-xogħol.
 
Il-MicroCredit ukoll kellha respons pożittiv mis-sidien tan-negozji żgħar u medji.   F’dawn l-aħħar xhur li ilha miftuħa din l-iskema bbenefikaw aktar minn 390 SME u investew aktar minn 60 miljun ewro.  Il-maġġoranza tal-SMEs li bbenefikaw minn din l-iskema ġejjin mis-settur tal-wholesale u retail u dan ikompli jikkonferma l-kontribut importanti li qed jagħtu lill-ekonomija Maltija kemm fit-tkattir tal-investiment kif ukoll fil-ħolqien tax-xogħol. 
 
Il-Gvern japprezza l-ħidma li tagħmlu intom is-sidien ta’ negozji żgħar u medji, intom li tinvestu f’pajjiżna u li tiġġeneraw il-ġid mhux biss għalikom u għall-familji tagħkom iżda anki għall-impjegati li tħaddmu magħkom.   Ta’ dan kollu grazzi. 
 
Sinjuri
 
L-impenn tagħna jibqa’ li mhux biss inkunu ta’ appoġġ għall-ħidma tagħkom, iżda li fuq kollox insostnu dak li tagħmlu intom b’aktar skemi finanzjarji, b’aktar effiċjenza; b’aktar attività ekonomika inkluż bi proġetti li jiġġeneraw ix-xogħol għall-SMEs u fuq kollox b’direzzjoni ekonomika tajba fejn in-negozju u l-kummerċ ikompli jikber.
 
In-negozju u l-investiment jibbaża ruħu fuq għazliet responsabbli u għaqlin.  Ilkoll kemm aħna, kemm fuq livell ta' kumpaniji u nazzjonali, irridu nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli fl-aħjar interess tal-pajjiż.
 
Filwaqt li nifraħ u nirringrazzja lill-management kif ukoll is-sidien tan-negozji fi ħdan id-Daniel's Shopping Complex tal-fiduċja f’pajjiżna, nawguralkom aktar suċċess fil-futur.
 
 
Grazzi.