DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-PUBLIC BROADCASTING SERVICES’ CREATIVITY HUB, FI TRIQ SAN LUQA, GWARDAMANĠJA - IL-ĠIMGĦA, 28 TA’ DIĊEMBRU 2012

Reference Number: PR 2819, Press Release Issue Date: Dec 29, 2012
 
​Sinjuri,

Illum qegħdin hawn mhux biss jew prinċipalment biex ninawguraw bini rinovat.  Illum qegħdin hawn biex immiddu pass iehor ‘l quddiem fil-mixja tal-Gvern biex ibiddel mill-qiegħ ix-xena tal-qasam tax-xandir f’pajjiżna. Dan qed nagħmluh għax il-viżjoni tagħna għall-qasam tax-xandir hija proattiva u innovattiva.

Il-Gvern, din il-bidla nediha fil-bidu tas-snin disgħin. 

Dan in-nhar il-Gvern għalaq lil Xandir Malta u fetaħ il-Public Broadcasting Services Ltd (PBS).  B’dak il-pass il-pajjiż mexa minn xandir monopolizzat u kkontrollat mill-istat għal sistema ta’ xandir ta’ servizz pubbliku f’xenarju ta’ pluraliżmu.  Din kienet bidla revoluzzjonarja.

Dakinhar fil-pajjiż kellna żewġ stazzjonijiet tar-radju. Illum hawn tlettax-il stazzjon tar-radju jxandru fuq l-FM u diversi stazzjonijiet ixandru fuq il-pjattaforma diġitali u ħafna stazzjonijiet tal-komunità. Dakinhar kellna stazzjon wieħed tat-televiżjoni waqt li llum għandna disa’ stazzjonijiet Maltin tat-televiżjoni.

Il-bidla komplejniha fil-bidu tas-snin elfejn.

Dakinhar bdejna riforma fil-qasam tar-radju li ftit, ftit wasslet għal riforma radikali tal-PBS fl-2004. Il-kumpanija ġiet strutturata mill-qiegħ. L-għan ta’ dan l-istrutturar kien li l-finanzi tal-PBS jitqiegħdu fis-sod.  U l-finanzi tal-PBS illum jinsabu fis-sod.  Prova ċara ta’ dan huwa l-fatt li l-proġett li qed ninawguraw illum huwa ffinanzjat minn bank kummerċjali. Għal dawn l-aħħar snin il-PBS mexxiet il-ħidma tagħha mingħajr ma għamlet telf finanzjarju; anzi kien hemm snin li fihom għamlet il-qligħ.  Dan il-qligħ reġa’ ntuża biex intejbu l-prodott li noffru lis-semmiegħa u telespettaturi Maltin. Illum kulħadd jirrealizza li l-istazzjonijiet tal-PBS huma l-aqwa f’Malta.

Iżda ma waqafniex hemm.

Fl-2004, għall-ewwel darba fassalna u ppubblikajna l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir bil-għan li l-istazzjonijiet immexxija mill-PBS ikunu l-aktar stazzjonijiet ta’ kwalità, li joffru kreattività u jgawdu l-akbar popolarità.  Sar progress kbir f’kull waħda minn dawn it-tliet miri.  Insemmi ftit eżempji. L-udjenza ta’ TVM u TVM2 hija akbar mill-udjenza tal-istazzjonijiet l-oħra kollha f’salt. L-udjenza tal-istazzjonijiet tar-radju tal-PBS illum hija b’saħħitha. Ir-riforma li għamilna wriet kemm għandna kreattività f’pajjiżna. Irnexxilna nxettlu u nkabbru l-industrija tal-produtturi indipendenti. Illum għall-PBS hemm ħafna produtturi indipendenti li jipprovdu l-programmi tagħhom.

Minn organizzazzjoni titlef il-flus u l-udjenzi llum għamilna mill-PBS organizzazzjoni b’saħħitha li tipprovdi x-xogħol lill-mijiet ta’ ħaddiema li jew jaħdmu magħha full time jew li jipprovdu programmi u servizzi oħra u huma impjegati ma’ kumpaniji privati.

Illum qegħdin hawn biex inwettqu tappa oħra fit-triq tal-bidla. Illum se nqegħdu fil-prattika parti oħra mill-viżjoni tagħna biex dan il-qasam ikun wieħed tassew kreattiv u ta’ kwalità.

Illum qed ninawguraw il-PBS Creativity Hub. Dak li qed nagħmlu llum mhux bidla fl-isem ta’ bini iżda bidla fil-kunċett ta’ kif jitħaddmu u jitmexxew il-media f’dan iż-żmien tar-rivoluzzjoni diġitali.  Il-pass li qed nagħmlu llum ikompli jsaħħaħ it-trepied li bnejna sa issa; jiġifieri PBS li tkun magħrufa għall-popolarità; għall-kwalità u għall-kreattività.

Il-bidla li ried iġib il-Gvern tinkludi li nimxu lil hinn mill-kunċett ta’ xandir ta’ servizz pubbliku għal sistema li tinkludi fiha l-media ta’ servizz pubbliku. Fil-konkret dan ifisser li l-PBS Creativity Hub, barra l-istazzjonijiet tax-xandir, se tidħol bil-qawwa fid-dinja diġitali. Illum se ninawgura formalment is-servizz ta’ news portal estensiv.

Il-PBS Creativity Hub barra li tipprovdi streaming live tal-istazzjonijiet kollha li tmexxi l-PBS qed tagħti lit-telespettaturi Maltin il-possibbiltà li jaraw x’ħin iridu huma l-programmi televiżivi li jridu huma mill-ħażna ta’ programmi li jkunu xxandru tul sebgħat ijiem fuq TVM.

Il-Gvern irid li l-PBS Creativity Hub tkun il-protagonista tax-xena lokali tal-media billi tkompli tisfrutta għal ġid tal-Maltin il-possibbiltajiet li tagħtina t-teknoloġija diġitali.  Diġà, per eżempju, il-PBS ħadet it-tmexxija ta’ dak li kien Education 22 u ġie trasformat f’TVM2 – trasformazzjoni mill-qiegħ li kabbret l-udjenza ta’ dan l-istazzjon drastikament.  Il-PBS kienet l-ewwel f’Malta li qed ixxandar stazzjon bi programmi High Definition u fi żmien ftit xhur ser ikollha diversi High Definition studios.

Il-Gvern irid li l-PBS Creativity Hub barra li qed tipprovdi s-servizzi lill-istazzjonijiet tal-PBS tipprovdi wkoll servizzi lill-producers indipendenti. Dan il-post se jagħti ċ-ċans lil din l-industrija tkompli tikber billi tesplojta l-kreattività li għandna fil-pajjiż u tgħolli l-kwalità tal-programmi mingħajr ma jkollhom għalfejn jidħlu għal ħafna spejjeż kapitali. Il-PBS Creativity Hub se tieħu ħsieb tipprovdi l-faċilitajiet u l-aktar tagħmir modern biex il-produtturi Maltin ikunu jistgħu jaħdmu aħjar.

It-titjib fil-kwalità tal-kontenut jisseddaq ukoll bid-diversi korsijiet fil-media pprovduti mill-Università ta’ Malta u mill-MCAST.  Ħafna żgħażagħ qed jitħarrġu biex dan il-qasam ikun wieħed professjonali u jkun qasam li jipprovdi xogħol ta’ kwalità għal dawk li jagħżluh.  Fil-fatt fl-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fl-ammont ta’ ħaddiema li jaħdmu ma’ kumpaniji privati li joffru servizzi u jipproduċu għat-televiżjoni.

Il-Gvern qiegħed ukoll jistudja proposti għall-aħjar użu kemm tal-bini li sa issa kien jospita fih Television House kif ukoll tal-ispazju vojt ta’ ħdejh li sa issa huwa użat għall-parkeġġ. Il-Gvern diġà għandu quddiemu proposti kif dawn l-ispazji jistgħu jintużaw ħalli nkomplu l-bidla li bdejna u li rridu nkomplu f’dan il-qasam ħalli l-media għas-servizz pubbliku tkun tassew il-media bl-aqwa kwalità, popolarità u kreattività.

Għal dan kollu nirringrazzja lill-Bord tad-Diretturi, lill-Bord Editorjali, lill-Management taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv, Anton Attard u l-ħaddiema kollha tal-kumpanija.