OPEN WEEKEND TAX-XOGĦOL FUQ IL-KONSOLIDAMENT U R-RESTAWR TAS-SWAR FIĊ-ĊITTADELLA

Reference Number: PR 2820, Press Release Issue Date: Dec 29, 2012
 
​Nhar is-Sibt 5 ta’ Jannar u l-Ħadd 6 ta’ Jannar 2013, il-Ministeru għal-Għawdex flimkien mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali qed jorganizzaw Open Weekend fejn il-publiku ser ikun jista’ jsegwi aktar mill-qrib ix-xogħol ta’ restawr li għaddej u jingħata wkoll tagħrif dettaljat dwar il-proċess involut f’dan il-proġett kumpless marbut mal-konsolidazzjoni tas-swar taċ-Ċittadella.

Matul dawn il-jumejn uffiċċjali kwalifikati mid-Direttorat tar-Restawr, ser idawru l-viżitaturi fi gruppi żgħar madwar is-swar fejn tiġi spjegata t-teknika tal-interventi li qed isiru. Minħabba r-restrizjonijiet tas-sit, hu mitlub li kull min jixtieq jattendi, jirreġistra permezz ta’ email fuq: restoration.mrra@gov.mt jew billi jċempel fuq in-numri 22997590 jew 22997688, biex b’hekk jirriżerva l-ħin tat-tour. Ir-reġistrazzjonijiet jibqgħu jiltaqgħu sal-Ġimgħa 4 ta’ Jannar.

Fiċ-Ċittadella qed isir xogħol ta’ interess partikolari. Mhux biss qed isir xogħol ta’ restawr iżda wkoll xogħol ta’ konsolidament tal-blat li fuqu hi mibnija din il-medda ta’ swar. Minħabba l-karatteristiċi ġeoloġiċi tiegħu dan il-blat jesebixxi diversi konsenturi li jistgħu jwasslu biex sezzjonijiet mill-blat jinqatgħu minn mal-massa ċentrali u hekk jipperikola l-istabilità strutturali tas-swar li jserraħ fuqu - xi ħaga li fil-fatt diġà ġrat ftit ta' snin ilu, meta parti mill-blat ċeda waqt maltempata. Għalhekk wara studji li saru ġiet iddisinjata sistema biex il-blat jiġi kkonsolidat, u wara dan il-proċess is-swar ta' fuqu jiġu restawrati. Din it-teknika ta' konsolidament qed tinvolvi l-irbit tal-blat dgħajjef permezz ta' 'l fuq minn 230 musmar u ankoraġġ tal-azzar (steel nails and steel anchors) ta' tul li jvarja minn 6 metri sa' 24 metru. Fuq il-partijiet tal-blat li l-iktar li jinsab fi stat ħażin ser titwaħħal ukoll xibka ta' protezzjoni.

Il-ħsarat li nstabu fuq il-blat u s-swar taċ-Ċittadella waqt il-preparamenti għax-xogħlijiet kienu partikolari ħafna. It-tip ta’ ġebel użat fil-bini taċ-Ċittadella, il-mod li bih inbniet flimkien mal-proċessi naturali ta’ deterjorazzjoni, irriżulta f’li l-ġebla ttieklet b’mod partikulari li hu kemxejn differenti mit-tip ta’ deterjorazzjoni li tikkaratterizza s-swar l-oħra ta’ Malta.

Ix-xogħol ta’ restawr tas-swar kollha qed jinvolvi t-tindif tal-ġebel mill-elementi li jikkawżaw ħsara, bħall-għeruq tal-kappar li maż-żmien kiber mill-fili; il-konsolidament tal-wiċċ tal-ġebla u t-tibdil tal-ġebel l-iktar deterjorat, u t-tikħil mill-ġdid tal-fili, fost xogħol ieħor.

Ix-xogħol li qed isir fuq is-Swar kollha taċ-Ċittadella f’Għawdex għandu investiment ta’ aktar minn €6 miljun ko-finanzjat bir-rata ta 85% mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).