IL-PRIJORITAJIET TAL-WASTESERV GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Reference Number: PR2893, Press Release Issue Date: Dec 30, 2013
 

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat dalgħodu żar il-ħaddiema li jservu mal-WASTESERV fl-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin f'Wied il-Għajn u aktar kmieni lill-ħaddiema tal-istess kumpanija li jaħdmu fl-inċineratur tal-Marsa. Wara li ferħilhom għax-xogħol siewi tagħhom matul is-sena li waslet biex tintemm, il-Ministru Brincat qal li l-prijoritajiet tal-kumpanija għas-sena l-ġdida huma dawn: 

·         It-tisħiħ tat-tmexxija u l-management tal-kumpanija ħalli din tkun tista' tilqa' b'mod professjonali għall-isfidi u l-opportunitajiet fil-ġejjieni, kemm fuq proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea u anki oħrajn li mhumiex. Dan bil-għan li tissaħħaħ u titkabbar l-effiċjenza tal-kumpanija.

·         Ftuħ għall-inizjattivi u suġġerimenti ġodda jiġu minn fejn jiġu. 

·         Tkompli l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapporti tekniċi li kienu ġew ikkummissjonati ftit wara l-bidla fl-amministrazzjoni nazzjonali.

·         Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll l-ambjent li jaħdmu fih. Sa Marzu mistenni jsir ukoll upgrading kemm tal-canteen kif ukoll taż-żona fejn hemm ix-showers tal-ħaddiema. 

·         Sehem sħiħ u akbar mill-Bord tad-Diretturi fejn jidħol policy making tal-kumpanija, flok ma jinħlew r-riżorsi tagħhom fuq affarijiet sekondarji ta' natura purament amministrattiva kif seta’ sar fil-passat.

Il-Ministru Leo Brincat qal li bl-appoġġ tad-Diretturi u tal-Management il-ġdid jemmen li t-tranżizzjoni li saret b'tant għaqal minn Marzu li għadda ser titkompla fis-sena l-ġdida mingħajr ebda skossi. 

Huwa radd ħajr liċ-Chairman tal-kumpanija li minkejja li għandu kariga mhux eżekuttiva dejjem kien lest biex fuq bażi regolari darba fil-ġimgħa jiltaqa' ma' kull min ried jiltaqa' miegħu.

Minn naħa l-oħra qal li jinsab fiduċjuż ħafna li bis-CEO il-ġdid, li l-Bord tad-Diretturi għadu kif ħatar, il-kumpanija ser tgawdi mill-esperjenza vasta li għandu fis-settur pubbliku u dak privat. Dan kif ġara fil-każ tas-CEO preżenti li fiż-żmien li ġej ser ikun qed  jassumi rwol ġdid fis-settur pubbliku lilhinn mill-kumpanija.

Il-Ministru Leo Brincat qal li wieħed għandu jkollu r-rieda u l-kuraġġ li jbiddel kull ma hemm bżonn jinbidel fi ħdan il-kumpanija, anki f'dawk li huma drawwiet li seta’ għadda żmienhom dment li ma jsirx tibdil kapriċċuż jew b'sens ta' pika.