TMIEM IL-ĠIMGĦA TA' RECORDS GĦAL BETHLEHEM F'GĦAJNSIELEM

Reference Number: PR2894, Press Release Issue Date: Dec 30, 2013
 

27,631 persuna qasmu bejn iċ-Ċirkewwa u l-Mġarr u aktar minn 10,000 żaru Ta' Passi f'jum il-Ħadd 

Il-bnazzi li għamel fi tmiem din il-ġimgħa għen ħafna biex eluf ta' persuni żaru Bethlehem f'Għajnsielem.  Huwa stmat li l-Ħadd biss żaru ta' Passi aktar minn 10,000 persuna.  Dan hu rekord kemm ilu jsir Bethlehem f'Ghajnsielem għaliex l-aktar ġurnata li fiha attendew nies kien it-3 ta' Jannar 2010 meta dakinnhar waqt il-miġja tal-Maġi kienu żaru l-presepju ħaj 7,000 persuna.

Il-Ħadd ukoll ‘The Malta Records’ ikkonfermaw li Bethlehem f'Għajnsielem huwa l-akbar presepju ħaj fil-gżejjer Maltin fejn jinsab mifrux fuq għoxrin tomna u bl-akbar ammont ta' atturi b'kollox 201 pastur ħaj.  Hemm ukoll 25 tip differenti ta' annimali u tjur.

Mal-atturi Għawdxin janimaw Bethlehem f'Għajnsielem, issieħbu wkoll 37 resident minn Tolfa, l-Italja.

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo feraħ lill-Kumitat Organizzattiv ta' Bethlehem f'Għajnsielem li huwa magħmul mill-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, il-Ministeru għal Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta' Loretu u l-għaqdiet volontarji ta' Għajnsielem.

"Grazzi għall-ġimgħat ta' ħidma li għamiltu biex dan il-proġett sar attrazzjoni unika li jiġbed eluf ta' persuni lejn Għawdex u jkompli jfakkar li ċ-ċentru tal-Milied huwa t-twelid ta' Ġesù Bambin.  Il-familji li żaru Bethlehem f'Għajnsielem setgħu jerġgħu jgħixu din il-ġrajja kbira".

Il-Ministru Anton Refalo rringrazzja lill-ħaddiema tal-Gozo Channel u lill-Pulizija li kollha impenjaw ruħhom biex jingħata l-aħjar servizz lil dawk li għażlu lil Għawdex biex iqattgħu flimkien mal-familji tagħhom tmiem il-ġimgħa f'Għawdex.

Huwa żvela li bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, il-Gozo Channel ġarret 54,050 persuna u 12,249 vettura, b'kollox sar 190 vjaġġ bejn iż-żewġ gżejjer.  Miċ-Ċirkewwa lejn l-Imġarr bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd saru 95 vjaġġ, b'27,631 passiġġier u 6,345 vettura.

Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex it-tliet Slaten Maġi jitilqu minn Tolfa fejn qiegħed jitħejja programm speċjali inkluż kampanja ta' informazzjoni dwar x'joffri Għawdex b'mod partikolari fiż-żmien il-Milied bl-attrazzjoni ewlenija hi Bethlehem f'Għajnsielem.

Bethlehem f'Għajnsielem issa se jkun animat nhar l-Erbgħa l-1 ta' Jannar 2014 u s-Sibt 4 u l-Ħadd 5 ta' Jannar meta jkun hemm il-wasla tal-Maġi u l-adorazzjoni ta' Ġesù Bambin.