IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU L-ONOR. KARMENU VELLA JGĦID LI R-RIŻULTATI MILL-AKTAR POŻITTIVI MIKSUBA DIN IS-SENA FIS-SETTUR TURISTIKU JPOĠĠU SFIDI AKBAR GĦAS-SENA D-DIEĦLA

Reference Number: PR2897, Press Release Issue Date: Dec 31, 2013
 
Milħuqa ċ-ċifra ta’ 1.5 miljun turist sa Novembru 2013

Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella, akkumpanjat mil-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci, żaru għadd ta’ lukandi f’San Ġiljan fejn setgħu jsegwu l-aħħar tħejjijiet li jkunu għaddejjin b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet l-ewwel tas-sena.

F’indirizz qasir lill-ġurnalisti fil-lukanda Hilton, il-Ministru Vella fisser kif l-idea wara dawn iż-żjajjar qosra hi li jkun espress rikonoxximent lill-ħaddiema li bħal daż-żmien ikunu impenjati ferm sew f’lukandi kif ukoll f’ristoranti differenti.

Karmenu Vella ddeskriva s-sena 2013 bħala waħda tajba ħafna għas-settur tat-turiżmu, bil-pajjiż jirnexxilu jikser rekord ta’ wasla ta’ 1.5 miljun turist sa Novembru, ċifra li ntlaħqet xahar qabel dak imbassar.

Saħaq li dawn ir-riżultati jpoġġu sfidi kbar għas-sena d-dieħla hekk kif wieħed jibda jħares biex dan in-numru jkompli jiżdied. Fl-istess ħin iżda nsista kif is-suċċess fit-turiżmu ma jitkejjilx biss bin-numri iżda fuq kollox kemm is-settur qed jagħmel profitt kif ukoll x’tip ta’ servizz qiegħed jieħu lura miegħu t-turist.

Filwaqt li esprima l-isbaħ xewqat għal sena ġdida, il-Ministru Vella awgura li l-2014 tkompli ttejjeb fuq dak li diġà nkiseb fis-settur turistiku din is-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci kellu kliem ta’ tifħir għar-riżultati miksuba din is-sena u saħaq li dan huwa kollu frott il-ħidma u l-impenn li sar bejn il-Ministeru għat-Turiżmu, l-MTA, l-MHRA u l-istakeholders kollha.

Il-President tal-MHRA s-Sur Paul Bugeja semma’ kif aktar ma jgħaddi żmien, pajjiżna aktar qed ikompli jgħolli l-kwalità tal-lukandi u r-ristoranti tiegħu. Saħaq li dan huwa dak li l-MHRA tisħaq mal-membri tagħha biex ikun assikurat li l-prodott offrut jibqa’ wieħed ġenwin.

Iż-żjajjar ta’ dalgħodu kienu jinkludu l-lukanda ta’ erba’ stilel Cavalieri Art Hotel, il-lukanda ġdida ta’ tliet stilel Valentina Hotel flimkien mal-lukanda ta’ ħames stilel Hilton Malta, fejn il-Ministru Vella kien preżentat bi ktieb miċ-Chef tal-lukanda.

Saret ukoll żjara qasira fir-ristorant Palazzo Preca fil-Belt.