AVVENIMENT UNIKU LLEJLA FIL-BELT VALLETTA BIEX NILQGĦU B’ENTUŻJAŻMU S-SENA 2014

Reference Number: PR2898, Press Release Issue Date: Dec 31, 2013
 
Xandira diretta fuq TVM 2 fl-10.00 P.M. u fuq TVM u ONE mill-11.00 P.M. ’il quddiem

Illejla pajjiżna jingħaqad ma’ ħafna bliet oħra fid-dinja biex isellem lis-sena 2013 u jilqa’ bil-ferħ is-sena l-ġdida 2014. Għal sena oħra, il-Belt Valletta se tkun il-qalba ta’ spettaklu kbir għal eluf ta’ Maltin u Għawdxin li se jagħżlu li jqattgħu l-aħħar ftit sigħat tas-sena fil-Belt kapitali.

Filwaqt li se jkunu għaddejjin diversi attivitajiet f’partijiet differenti tal-Belt, l-attrazzjoni ewlenija mistennija tkun fi Pjazza San Ġorġ fejn ftit qabel it-tokki ta’ nofsilejl, il-faċċata tal-Palazz tal-President se tinbidel bi projetazzjoni unika li se tkun qed turi l-countdown lejn il-bidu tas-sena l-ġdida.

B’rabta’ ma’ dan l-avveniment, dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali José Herrera flimkien maċ-Chairman tal-V.18 Jason Micallef u s-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, żaru l-aħħar preparamenti li kienu għaddejjin fi Pjazza San Ġorġ.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Karmenu Vella fisser kif l-attività tal-lejla mhux biss se sservi biex il-poplu jiċċelebra flimkien il-bidu ta’ sena ġdida iżda wkoll ta’ kontinwità biex tkun riġenerata l-attività fil-Belt kapitali. Saħaq fuq il-bżonn li jkunu organizzati attivitajiet b’mod kontinwu tul is-sena kollha, li jattiraw lin-nies lejn il-Belt.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali José Herrera semma’ kif l-isforz tal-Gvern biex jagħti mill-ġdid il-ħajja lill-Belt qed iħalli r-riżultati, bit-tnedija tal-kalendarju artistiku tal-Belt li anke ħalla impatt pożittiv fuq in-negozju. Sostna li dan jawgura tajjeb għall-mixja li pajjiżna jrid jagħmel sal-2018 meta l-Belt se tkun qed tiċċelebra t-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea tal-Kultura.

Iċ-Chairman tal-V.18 is-Sur Jason Micallef iddeskriva l-avveniment tal-lejla bħala wieħed uniku li se jgħaqqad flimkien lill-poplu fil-Belt Valletta. Spjega kif il-projettazzjoni li saret mill-istudenti tal-MCAST se terġa’ tkun qed issir għal tliet darbiet oħra kull siegħa bejn is-6.30 P.M. u 8.30 P.M. filwaqt li għall-countdown, il-projetazzjoni se tkun totalment ġdida. Il-pubbliku għandu jistenna wkoll diversi sorpriżi li tħejjew fl-aħħar sigħat.

Sadanittant, iċ-ċelebrazzjonijiet li se jkunu għaddejjin fi Pjazza San Ġorg se jixxandru b’mod dirett fuq l-istazzjon tal-istat TVM 2 mill-10.00 P.M ’il quddiem filwaqt li mill-11.00 P.M ’il quddiem, ix-xandira se tkun trażmessa fuq TVM u l-istazzjon ONE.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex kemm jista’ jkun jagħmel użu mit-trasport pubbliku.

Preżenti għall-din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci u Owen Spiteri f’isem il-promoturi G7.