TITJIEB FIL-QASAM TAX-XOGĦOL MINN MARZU ‘L HAWN

Reference Number: PR2899, Press Release Issue Date: Dec 31, 2013
 
Iċ-ċifri ppublikati llum mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw li minn Marzu ‘l hawn naqset ir-rata li biha kien qed jiżdied il-qgħad f’pajjiżna. L-instabbilità politika li ddominat taħt Gvern preċedenti ħalliet effett negattiv fis-settur tal-impjiegi. Għalhekk li dan il-Gvern, sa mill-ewwel jiem tiegħu, beda ħidma ma’ taqta’ xejn biex joħloq il-klima neċessarja għal aktar investiment mill-privat u opportunitajiet ta’ xogħol li jippremja l-bżulija.
 
L-istatistika turi li 70% taż-żieda fil-qgħad bejn Novembru 2012 u Novembru 2013 seħħet taħt amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt iċ-ċifri juru li, miż-żieda ta’ 541 persuna bla xogħol fuq temp ta’ sena, 384 persuna spiċċaw qegħda bejn Novembru 2012 u Marzu 2013. Dan ifisser li sebgħa minn kull għaxar persuni li żdiedu fuq ir-reġistru, tilfu l-impjieg tagħhom taħt il-Gvern ta’ qabel.
 
Il-manuvrar politiku għal skopijiet partiġjani minn amministrazzjoni preċedenti damet tħalli l-effett tagħha sa Awissu li għadda meta pajjiżna laħaq peak ta’ żieda ta’ 636 persuna qiegħda fuq is-sena ta’ qabel. L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonferma li minn dakinhar, xahar wara l-ieħor, il-qasam tax-xogħol irreġistra titjieb. Tant li f’Novembru li għadda naqset ż-żieda fin-numru ta’ nies qegħda għal 541. Fl-istess perjodu tal-Gvern ta’ qabel, iġifieri bejn Marzu u Novembru 2008, kien hemm żieda ta’ 7% fil-qgħad, b’differenza miż-żieda ta’ 4% taħt din l-amministrazzjoni.
 
L-aħħar statistika tal-Eurostat turi li r-rata tal-qgħad f’Malta naqset minn Marzu ‘il hawn filwaqt li l-qgħad fl-Ewropa kompla jiżdied. Pajjiżna jinsab ir-raba’ bl-inqas rata ta’ qgħad fost 28 stat membru tal-Unjoni Ewropea. Sinifikanti huwa l-fatt li r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta naqas b’mod konsistenti minn 14.6 fil-mija għal 13.1 fil-mija.
 
L-istrateġija tal-Gvern għall-ħolqien tax-xogħol hija msejsa fuq ir-rieda li jinħoloq il-ġid u jitqassam b’mod ġust. Kien għalhekk li x-xahar li għadda ġie ppreżentat budget għas-sena d-dieħla li jinċentiva l-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalita. B’hekk ikollna Malta aktar b’saħħitha u Malta aktar ġusta.
 
Għal dan il-Gvern is-suq tax-xogħol huwa priorità.