MESSAĠĠ TAL-PRIM MINISTRU, JOSEPH MUSCAT, GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Reference Number: PR2900, Press Release Issue Date: Dec 31, 2013
 
Insellmilkom.
 
Is-sena 2013 tat il-bidu għal bidliet importanti li qed iseħħu f’pajjiżna.
 
Fl-ewwel xhur tas-sena li waslet fi tmiemha, pajjiżna għadda minn proċess demokratiku serju, u ħareġ iktar b’saħħtu.
 
It-tranżizzjoni ta’ Gvern Ġdid saret bl-aktar mod kalm. Konferma ta’ poplu li jgħix il-valuri ta’ demokrazija Ewropea.
 
Il-familji u n-negozji riedu, u għadhom iridu stabbiltà u normalità, mingħajr taqlib politiku u firdiet li ma jagħmlux ġid.
 
Wegħdna n-normalità u dak li tajna sa mill-bidu.
 
M’inix persuna li nħobb inħares lura. Biss kull jum li jgħaddi niftakar li dmirna huwa li nroddu lura f’xogħol il-fiduċja li wrejtu fina.
 
Illum iktar minn qatt qabel naf kemm dan il-pajjiż huwa mibni fis-sod, fis-sod ta’ mexxejja tal-passat u li ħadmu bla heda biex isawru lil pajjiżna. Kburi b’dan il-pajjiż u iktar u iktar kburi bil-poplu tagħna.
 
Poplu bieżel li huwa ta’ ispirazzjoni għal min imexxih.
 
Poplu li kien irrappreżentat mill-qlubija ta’ Armata li salvat mijiet ta’ persuni minn għarqa u mewt ċerta f’Ottubru li għadda.
 
Poplu determinat irrappreżentat mill-politika tal-gvern li jrid ineħħi kull sens ta’ inferijorità fil-mod kif naġixxu fuq livell internazzjonali.
 
Poplu bieżel u magħqud li kien rappreżentat f’turija ta’ solidarjetà li ntweriet f’diversi okkażjonijiet fejn il-poplu ntalab li jgħin lil min huwa inqas ixxurtjat bħal ma ġara f’dawn il-jiem fost oħrajn fl-Istrina.
 
Fl-aħħar xhur imxejna ‘l quddiem flimkien. Ħdima ħafna, iżda fadal ħafna xogħol x’isir. It-triq hija twila u l-isfidi huma kbar.
 
Perfetti ma aħniex. U meta tħares lura dejjem issib ċertu affarijiet li setgħu saru differenti, jew aħjar. Iżda nista’ nserrħilkom raskom li se nżommu saqajna dejjem mal-art u nisimgħu dak li tgħidulna intom ta’ kuljum. M’aħniex suppervi, m’aħniex se ninqatgħu minnkom iżda se nibqgħu dejjem fuq in-naħa tan-nies.
 
Flimkien magħkom iżda nistgħu nibqgħu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum matul din is-sena l-ġdida wkoll.
 
Din is-sena l-ġdida se tkun sena importanti ħafna għalina bħala pajjiż għaliex se nfakkru avvenimenti li għamluna nazzjon, wieħed u magħqud.
 
Se nkunu qed infakkru l-50 sena mill-Indipendenza, l-40 sena mir-Repubblika, il-35 sena mill-Ħelsien u l-għaxar sena mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Huma kollha l-ħoloq li jagħmluna ġens wieħed, katina waħda soda li ma tinħallx.
 
Se nfakkru dawn l-avvenimenti ta’ ġensna b’dinjit♪3, bħala pajjiż u poplu wieħed magħqud. Fejn se nuru li dawn il-kisbiet ta’ dan il-poplu Indipendenti, Repubblikan, Ħieles u Ewropew, huma ta’ kulħadd, huma tagħna lkoll.
 
Dawn se jaħbtu ma’ ġrajjiet oħra li għandhom jgħaqqduna matul l-2014. It-tmiem tal-Presidenza ta’ Dr George Abela se ġġib magħha t-tmiem ta’ terminu ta’ President li ta enerġija kbira u ngħid jien, kabbar din il-kariga bħala Kap tal-Istat.
 
Lill-President Abela u lis-Sinjura tiegħu nsellmilhom u nirringrazzjahom tar-rwol tagħhom fejn verament, kemm meta kont Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll issa bħala Prim Ministru, sibthom ta’ appoġġ dejjem b’rispett u lealtà lejn il-kariga li okkupaw.
 
Dan ifisser li se jkollna President ġdid matul l-2014. President li jrid jaqdi dmirijietu jew dmirijietha lejn l-istat b’mod li jkun ‘il fuq mill-politika partiġġjana, kif għamlet ngħid jien kull persuna li ntgħażlet għal din il-kariga.
 
Konvint li l-persuna li se tingħażel se tkompli ma’ din is-sensiela pożittiva li ssaħħaħ l-ogħla kariga tal-istat.
 
Bl-istess mod l-2014 se timmarka t-tmiem tal-Kummissjoni Ewropea preżenti u allura se jkollna Kummissarju Ewropew Malti ġdid. Dan ifisser li pajjiżna se jkun mistenni jinnomina persuna oħra għal din il-kariga.  Dan flimkien mal-elezzjoni ta’ min jirrapreżenta lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
 
L-isfidi ekonomiċi jibqgħu ċentrali fil-ħidma tal-Gvern. Esperjenzajna tkabbir ekonomiku u fiduċja ikbar fl-ekonomija li jqawwulna qalbna. Fiduċjużi li fix-xhur li ġejjin b'miżuri targeted li ħadna fl-ewwel budget se nkomplu ngħinu biex inkomplu nkabbru l-ekonomija u li din tilħaq lil kulħadd, b'mod li jkollna iktar xogħol u xogħol aħjar.
 
Il-figura taż-żieda fl-impjiegi huma inkoraġġanti.
 
Kellna wkoll sena rekord oħra f'dak li għandu x’jaqsam mat-turiżmu.
 
Għawdex, b’inizjattivi ġodda, qed jara titjib fil-prodott u fin-numru ta’ nies li jżuruh.
 
Fl-istess waqt naf li l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-familji u n-negozji mhumiex żgħar. Naf, nifhem, nħoss dak li qed iħossu l-familji. M’aħniex se ninsew li għad għandna familji li jistgħu jkunu aħjar, li qed ibatu, li għad hemm persuni li mhumiex qed jaħdmu. Jew li hemm min għadu mhux jinqeda kif suppost fil-ħin mill-isptarijiet tagħna. Dawn se nkunu qed nindirizzawhom bl-iktar mod serju filwaqt li nkunu onesti u nagħtukom l-istampa kollha.
 
Għandna miri ambizzjużi biex ngħinu lill-familji. Se nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma minn din is-sena l-ġdida. Żammejna l-prezzijiet tal-fuels stabbli għall-aħħar tliet xhur tas-sena 2013 u għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena 2014.
 
Tajna inċentivi qawwija għal min irid jaħdem biex nagħtu sinjal li nippremjaw lil min hu bieżel u min irid jaħdem. Żidna l-istipendji. Mis-sena l-ġdida se nibdew noffru Childcare bla ħlas għall-ġenituri li jaħdmu.
 
Għandna wkoll proġetti kbar li se jkunu qed jibdew jingħataw il-ħajja. Il-proġett tal-Hub Marittimu fuq is-sit tax-Shipbuilding li jfisser aktar xogħol. L-interess fi proġetti sostenibbli ta’ reklamazzjoni tal-art. Il-Cruise Liner terminal f’Għawdex. Se jinbeda x-xogħol fuq il-flyover tal-Kappara Junction u se nibnu mill-ġdid il-junction ta’ ħdejn l-Addolorata, biex innaqqsu l-problema tat-traffiku. Se jinbeda x-xogħol fuq unit ġdida fil-power station ta’ Delimara li se tiġġenera l-elettriku bil-gass biex ikollna arja iktar nadifa.
 
Ħdimna u se nibqgħu naħdmu iktar minn qabel biex nesploraw il-possibbiltajiet li toffri d-dinja barra l-Unjoni Ewropea.
 
Ħbieb tiegħi, jien nemmen li l-ekonomija Ewropea miexja ‘l quddiem, iżda bil-mod. B’hekk qed inħarsu lejn ekonomiji oħrajn biex nagħmlu n-negozju magħhom, bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti, Lvant Nofsani, ir-Russja u anke l-Afrika. Hemm barra hemm opportunitajiet kbar għall-business Malti. Komunità tal-business li hija bieżla u tħares 'il quddiem. U jien determinat li naħtaf kull opportunità li tiġi u nagħtiha lil dan il-business Malti biex l-investiment jikber, biex ix-xogħol jitkattar. Irridu iktar investiment f’pajjiżna u rridu nattiraw iktar nies ta’ talent li jersqu lejn pajjiżna u mhux isibu bnadi oħra fejn jimirħu.
 
Fl-aħħar xhur, biex neqirdu l-korruzzjoni politika f’pajjiżna, neħħejna l-preskrizzjoni fuq reati ta’ korruzzjoni fuq il-politiċi u daħħalna l-Whistleblowers Act. Il-pass li jmiss huwa li se nkunu qed indaħħlu liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.
 
Tajna drittijiet ċivili ġodda biex f’pajjiżna nneħħu d-diskriminazzjoni u ndaħħlu ugwaljanza mhux biss bid-diskors, iżda bil-fatti.
 
Għandna l-ideat. Għandna l-enerġija. Se nieħdu deċiżjonijiet sodi biex inkompli nsaħħu pajjiżna.
 
Matul din is-sena l-ġdida, l-Gvern se jiffoka ħafna iktar fuq il-qasam tas-saħħa. Għad hemm min ma jinqedix bl-aħjar mod u fil-ħin. Għad hemm min qed ibati. Nifhmu li għad hemm ħafna xogħol li jrid isir u disa’ xhur ma kinux biżżejjed biex jissolvew. Iżda determinati li naslu biex l-isptarijiet tagħna joffru l-aqwa servizz lill-pazjenti kollha fil-ħin.
 
Fl-2014 se nkomplu nibnu fuq dak li diġà ksibna. Fis-snin li ġejjin Malta se jkollha d-dinja kollha tħares lejha. Mil-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth fl-2015, il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017 u l-Belt Kapitali Kulturali Ewropea fl-2018. Avvenimenti kbar li persważ li pajjiżna se jilqa’ għalihom. Se mmorru lil hinn mill-aspettattivi kollha u nuru li aħna poplu innovattiv, li nafu nqumu għall-okkażjoni. Poplu serju, poplu bieżel li dejjem joħroġ tajjeb minn kull sfida li jkollu quddiemu.
 
Dawn huma l-karatteristiċi li jsawru lin-nies ta’ pajjiżna.
 
Is-sena l-ġdida għalhekk se nilqgħuha b’entużjażmu.
 
F’kull qasam se nibqgħu nkunu onesti u franki magħkom. Se nibqgħu nżommu djalogu miftuħ magħkom, u nkunu prattiċi dwar it-triq li jkollna quddiemna.
 
Flimkien għandna ngħaddu sena ta’ sfidi u opportunitajiet u noħorġu minnha iktar b’saħħitna, iktar ffukati fuq kif ħa mmexxu ‘l quddiem lil dan il-pajjiż.
 
F’ismi, f’isem marti, f’isem il-familja tiegħi, f’isem il-Gvern li mmexxi, nixtieqilkom ilkoll lilkom u l-familji tagħkom sena ġdida mimlija paċi, hena u ġid.