Navigate Up
Sign In
Language: English
A A A

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-MINISTRU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA DWAR IS-SERQ TA’ DAWL FL-ENEMALTA

Reference Number: PR140240, Press Release Issue Date: Feb 12, 2014
 

Sur President,

Ħassejt li kien xieraq li naġġorna lil dan il-Parlament u lill-poplu Malti u Għawdxi b’dak li qed jiġri fil-Korporazzjoni Enemalta b’rabta ma’ serq ta’ dawl.

Nibda l-ewwel biex ngħid li dan huwa gvern li jemmen fil-Ġustizzja Soċjali, jemmen fil-fairness. Il-familji bieżla ta’ pajjiżna qed iħallsu l-kontijiet tagħhom u aħna ħassejna li kellna nagħmlu minn kollox biex inraħħsu l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma. U qed naħdmu propju biex nagħmlu dan.

Ma sibniex triq faċli quddiemna...sibna Enemalta mifnija bid-dejn. Tmien mija u erbgħin miljun ewro dejn biex inkunu aktar preċiżi. U agħar minn hekk ma sibna l-ebda pjan ta’ kif din il-Korporazzjoni setgħet tqum fuq saqajha.

Sibna diżastru sħiħ f’kull sezzjoni, fid-distribuzzjoni, fejn ma sar l-ebda investiment, fil-ġenerazzjoni, fil-metering.
Ċertament waħda mill-iktar affarijiet li dejjquna u li sibna kien is-serq tad-dawl f’din il-Korporazzjoni.

Serq ta’ dawl li issa ġie kkonfermat li mill-2011 ‘il quddiem kompla jiżdied u sploda. Laħaq madwar 10% tal-elettriku ġġenerat.

Dan ifisser telf ta’ madwar 30 miljun ewro għall-Enemalta. Telf li qed iħallsu għalih, il-familji Matin u Għawdxin u negozji onesti li jħallsu l-kontijiet tagħhom.

Racket sħiha ta’ serq li aħna żgur m’aħniex se nittolleraw!

Fl-ewwel tlett xhur bħala Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta, waqqaft Theft Control Unit. L-għan ta’ dan il-Unit kien li nħarsu lejn x’ tip ta’ serq jeżisti fil-Korporazzjoni Enemalta. Dan il-Unit għamel analiżi dettaljata ta’ modi differenti ta’ kif jinsteraq id-dawl.

Skoprejna mill-ewwel li wieħed mill-iktar mezzi ta’ kif jinsteraq id-dawl kien ta’ smart meters li ma kinux qed juru il-konsum veru iżda kienu qed juru konsum ferm iktar baxx.

Għalhekk it-Theft Control Unit bagħtu numru ta’ smart meters lil kumpanija tad-dawl Taljana Enel biex dawn jiġu analizzati. Wara investigazzjoni bir-reqqa li saret mill-Enel, fl-Italja instab li l-ismart meters inkwistjoni kienu mbagħbsa u qegħdin jirrappurtaw konsum ta’ dawl inqas minn dak li kien qed jiġi użat.

Biex nagħti eżempju, smart meters li kienu qed jużaw 100 unit bdew jirreġistraw użu ta’ 20 unit. Wara l-analiżi ta’ dak li nstab mill-Enel u investigazzjoni mit-Theft Control Unit hawn Malta, ħareġ biċ-ċar pattern ta’ serq.

Saru diversi inspections relatati ma’ dan il-pattern li fihom kien hemm 95% success rate.

S’issa, it-Theft Control Unit, diġà sab provi li hawn iktar minn 1,000 smart meter li huma mbagħbsa. F’dan il-każ ġew involuti il-pulizija sa mill-bidu nett li qed jinvestigaw b’reqqa kbira.

Filfatt ilbieraħ, ġew sospiżi l-ewwel 3 impjegati mill-Enemalta. Illum wara investigazzjonijiet ulterjuri, ġew sospiżi 5 minn nies oħra.

Jidher li x-xibka qed tikber u aħna konvinti li hemm aktar x’joħroġ. Personalment inħossni ddiżappuntat u rrabjat b’dan il-każ. Mhux sew li familji u negozji onesti qed ikollhom iġorru l-piż ta’ dan is-serq ta’ dawl.

Iżda, aktar minn hekk, inħossni iddiżappuntat u rrabjat, għall-Gvern preċedenti, li kellu rapporti ta’ serq ta’ dawl minn fuq Smart Meters sa mill-bidu tal-2012 u m’għamel xejn dwarhom.

Sur President din hija d-differenza bejn dan il-Gvern li huwa kommess li jwettaq ġustizzja soċjali. Gvern li qiegħed fuq in-naħa tal-familji u negozji onesti f’dan il-pajjiż. Gvern kommess li jrodd lil familji u n-negoziji Maltin dak li ħaqqhom.

Minn hawnhekk qed nagħmel appell lil kull min għandu iktar informazzjoni fuq serq ta’ dawl biex jagħmel kuraġġ u jersaq il-quddiem u jagħti lill-awtoritajiet kull informazzjoni li tista tgħinna biex neqirdu dan l-abbuż.

Diġà kellna persuni f’dawn l-aħħar sigħat li resqu ‘l quddiem b’informazzjoni.

Nappella wkoll lil dawk il-familji u negozji li qed ikunu parti minn dan l-abbuż jew minn abbużi oħra ta’ serq ta’ dawl u ilma biex jieqfu jagħmlu dan mill-iktar fis possibli. Illum qabel għada.

We will leave no stone unturned.

Il-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu biex iġib l-Enemalta fuq saqajha u għalhekk nistennew il-koperazzjoni ta’ kulħadd.